Entitajiet kulturali pan-Ewropej
Din l-azzjoni tal-programm Ewropa Kreattiva għandha l-għan li tappoġġa lill-entitajiet kulturali, bħall-orkestri, b’firxa ġeografika kbira u li għandhom l-għan li joffru opportunitajiet ta’ taħriġ, ta’ professjonalizzazzjoni u ta’ prestazzjoni għall-artisti żgħażagħ b’talent kbir.
L-appoġġ għall-orkestri li jsawru l-futur kulturali tal-Ewropa
L-azzjoni tal-entitajiet kulturali pan-Ewropej fl-ambitu tal-Ewropa Kreattiva tappoġġa lill-orkestri li jikkultivaw it-talent mużikali emerġenti, jespandu l-aċċess għall-kultura u jinvolvu lil udjenzi differenti. Dawn il-gruppi ma jservux biss bħala ambaxxaturi kulturali iżda wkoll bħala promoturi tal-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea:
- il-libertà artistika
- id-diversità
- is-solidarjetà
- is-sostenibbiltà
X’inhu l-iskop tal-azzjoni tal-entitajiet kulturali pan-Ewropej?
Din l-azzjoni tgħin lill-mużiċisti orkestrali żgħażagħ jikbru kemm fuq livell artistiku kif ukoll fuq livell professjonali. Din tikkontribwixxi għall-politika kulturali tal-UE billi:
- twessa’ l-aċċess għall-mużika u għall-kultura fuq livell internazzjonali
- tippromwovi l-eċċellenza u d-diversità artistiċi
- tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-prattiki sostenibbli fil-ħolqien u l-produzzjoni tal-mużika u fl-involviment tal-udjenza
Temi u prijoritajiet
L-orkestri Ewropej li jiksbu appoġġ fl-ambitu ta’ din l-azzjoni jiffukaw fuq:
- l-apprendiment u l-iżvilupp tal-ħiliet
- l-involviment taż-żgħażagħ u r-reżiljenza settorjali
- il-libertà tal-espressjoni artistika, il-mobbiltà u l-kollaborazzjoni transfruntiera
- id-diversità, l-ugwaljanza u l-inklużjoni
- id-demokrazija u s-solidarjetà kulturali, inkluż l-appoġġ għall-Ukrajna
- is-sostenibbiltà u l-azzjoni klimatika
- l-innovazzjoni fil-prattika artistika u l-involviment tal-udjenza
Il-punti ewlenin tas-selezzjoni tal-2021
Għall-perjodu 2021–2023, l-Unjoni Ewropea kkofinanzjat erba’ entitajiet kulturali pan-Ewropej fil-qasam tal-orkestri. Dawn il-proġetti ppermettew lil aktar minn 800 mużiċist żagħżugħ Ewropew jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-proġetti f’livelli differenti.
Il-punti ewlenin tas-selezzjoni tal-2024
Fl-2024, l-azzjoni allokat madwar €11-il miljun għal ħames proġetti ġodda fil-pajjiżi li ġejjin:
- l-Awstrija
- il-Ġermanja
- il-Maċedonja ta’ Fuq
- il-Portugall
- Spanja
Dawn il-proġetti jappoġġaw lill-mużiċisti emerġenti minn minimu ta’ 20 pajjiż li jipparteċipaw fil-programm Ewropa Kreattiva. Dawn jirrappreżentaw stampa vibranti tax-xena mużikali rikka u li qed tevolvi tal-Ewropa li tinkludi ġeneri differenti bħall-mużika barokka, klassika, kontemporanja, korali, sinfonika, folk, jazz, għall-films u għall-media diġitali.
L-attivitajiet tagħhom jinkludu opri, xogħlijiet korali sinfoniċi, kompożizzjonijiet ġodda, u reġistrazzjonijiet professjonali.
Last updated: