Kotba u Pubblikazzjoni
Għaliex dan l-appoġġ hu meħtieġ
Is-settur Ewropew tal-kotba hu rikk u varjat b’mod inkredibbli, b’aktar minn 580,000 titlu ppubblikat kull sena. Madankollu ħafna qarrejja fl-Ewropa m’għandhomx aċċess għar-rikkezza u d-diversità tal-letteratura Ewropea. Raġuni waħda hi li l-letteratura minn ħafna pajjiżi Ewropej rari tiġi tradotta f’lingwi Ewropej oħrajn.
Is-settur tal-kotba u tal-pubblikazzjoni qed jiffaċċja wkoll sfidi minħabba ż-żieda fl-Intelliġenza Artifiċjali u t-tibdil fid-drawwiet tal-qari.
Sadanittant, il-pubblikazzjoni hi waħda mill-akbar setturi kulturali fl-Ewropa, b’valur tas-suq stmat ta’ bejn €36 u €39 biljun. Il-katina tal-valur tal-kotba kollha timpjega aktar minn nofs miljun persuna, skont il-Federazzjoni Ewropea tal-Pubblikaturi.
Tipi ta’ appoġġ taħt Ewropa Kreattiva
Esplora x’tagħmel l-Unjoni Ewropea għas-settur tal-kotba u tal-pubblikazzjoni permezz ta’ finanzjament, premjijiet u azzjonijiet ta’ politika.
Finanzjament u premijiet
Ċirkolazzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji Ewropej
Il-programm Ewropa Kreattiva jipprovdi finanzjament apposta għall-pubblikaturi u għall-organizzazzjonijiet li joperaw fis-settur tal-kotba u tal-pubblikazzjoni biex jittraduċu, jippubblikaw, jiddistribwixxu u jippromwovu xogħlijiet Ewropej ta’ finzjoni, prinċipalment minn lingwi anqas mitkellma.
Ewropa Kreattiva jappoġġja aktar minn 500 traduzzjoni ta’ kotba kull sena f’aktar minn 40 lingwa oriġinali u 30 lingwa fil-mira, bl-involviment ta’ 300 traduttur u 400 kittieb kontemporanju, u b’hekk jippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika.
Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura
Mill-2009, il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura jippremja l-aħjar awturi emerġenti Ewropej, b’mod partikolari fil-qasam tal-finzjoni u jiċċelebra d-diversità lingwistika u l-eċċellenza tal-letteratura fil-pajjiżi li jipparteċipaw fil-programm Ewropa Kreattiva.
Bis-saħħa tal-premju, aktar minn 200 awtur emerġenti minn 41 pajjiż laħqu swieq ġodda u x-xogħlijiet tagħhom ġew tradotti f’diversi lingwi mill-2009. Il-Federazzjoni tal-Pubblikaturi Ewropej u l-Federazzjoni Ewropea u Internazzjonali tal-Bejjiegħa tal-Kotba jorganizzaw il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura bl-appoġġ tal-programm Ewropa Kreattiva.
Il-Jum tal-Awturi Ewropej
Il-Jum tal-Awturi Ewropej hu inizjattiva appoġġata mill-programm Ewropa Kreattiva biex tgħaqqad il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ mal-qari tal-kotba u tgħinhom jiskopru d-diversità tal-letteratura Ewropea. Jum l-Awturi Ewropej hu wkoll opportunità biex jittieħed kont tal-inizjattivi eżistenti li diġà qed iseħħu fil-pajjiżi tal-UE u jiġu xxerjati prattiki tajbin fil-promozzjoni tal-qari.
Culture Moves Europe
Culture Moves Europe hija skema ta’ mobbiltà li tappoġġa proġetti individwali ta’ mobbiltà u residenza madwar il-pajjiżi, it-territorji u r-reġjuni tal-Ewropa Kreattiva. Tagħti għotjiet lill-artisti u lill-professjonisti kulturali biex jivvjaġġaw u jwettqu proġett f’pajjiż ieħor ta’ Ewropa Kreattiva. B’baġit ta’ € 25 miljun, Culture Moves Europe tipprovdi għotjiet għall-mobbiltà lil madwar 7,000 artist, professjonist kulturali, u organizzazzjoni ospitanti mill-2025 sal-2028. Culture Moves Europe hija azzjoni tal-programm Ewropa Kreattiva implimentat mill-Goethe-Institut.
Proġetti ta' Kooperazzjoni, Networks u Pjattaformi
Ewropa Kreattiva tappoġġja wkoll is-settur tal-kotba u tal-pubblikazzjoni permezz tal-iskemi ta’ finanzjament ta’ Proġetti ta’ Kooperazzjoni Ewropea, Networks ta’ Organizzazzjonijiet Kulturali u Kreattivi u Pjattaformi għall-Promozzjoni ta’ Artisti Emerġenti.
Il-proġetti li ġejjin huma illustrazzjoni ta’ kif Ewropa Kreattiva tappoġġja s-settur tal-kotba tul il-katina tal-valur, mill-awtur sal-qarrej:
Żvilupp tat-talenti
CELA – Nikkollegaw l-Artisti Letterarji Emerġenti tħarreġ u tgħaqqad 30 awtur emerġenti, 80 traduttur emerġenti u sitt professjonisti letterarji emerġenti, u b’hekk toffri opportunità akbar għal lingwi anqas mitkellma u tixpruna l-bidla.
Multilingwiżmu
L-ambizzjoni ta’ ARCHIPELAGOS - Nespandu r-Rotot Letterarji fl-Ewropa hi li d-diversità tal-ilħna letterarji Ewropej issir aktar viżibbli u tinqara b’mod aktar wiesa’. Il-proġett jinkoraġġixxi d-diversità tar-rappreżentazzjonijiet u l-immaġinazzjonijiet billi jrawwem l-iskoperta ta’ vuċijiet ġodda f’lingwi anqas mitkellmin.
Promozzjoni tal-poeżija
Il-Pjattaforma Versopolis toħloq opportunitajiet għal aktar minn 300 poeta emerġenti. Hi tappoġġja t-traduzzjoni tax-xogħlijiet tagħhom fil-lingwi Ewropej u tippermetti l-pubblikazzjoni tagħhom f’kotba stampati, kotba elettroniċi u fuq is-sit web ta’ Versopolis. Tappoġġja wkoll il-mobbiltà tal-poeti billi torganizza dehriet ta’ mistednin f’aktar minn 30 festival letterarju Ewropew.
Bejjiegħa tal-kotba
In-Network RISE Booksellinghu proġett ta’ tliet snin immaniġġjat mill-Federazzjoni Ewropea u Internazzjonali tal-Bejjiegħa tal-Kotba, bi 33 membru minn 23 pajjiż. Dan jiffoka fuq ir-reżiljenza, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà tas-settur Ewropew tal-bejgħ tal-kotba.
Promozzjoni tal-qari
Il-proġett "Il-Librerija Ċkejkna Tagħna: Permezz ta’ Pontijiet Letterarji għal Qari tal-Avventuri" għandu l-għan li jistabbilixxi suq tal-pubblikazzjoni reċiproka, iżid iċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet letterarji, jippromwovi l-mobbiltà transnazzjonali tal-kotba u l-awturi tal-UE. B’dan il-mod hu ta’ benefiċċju għal 19,000 tifel u tifla u 2,800 mentor, kif ukoll għall-organizzazzjoni ta’ laqgħat ma’ edituri barranin, li jinvolvu 76 professjonist biex jipproduċu l-kotba u l-kotba elettroniċi tat-tfal.
Azzjoni ta' politika
Djalogu u kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE u l-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni Ewropea tinsab fi djalogu kostanti mas-settur permezz tal-gruppi tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK), li jlaqqgħu flimkien rappreżentanti u dawk li jfasslu l-politika mill-pajjiżi tal-UE, prattikanti u partijiet ikkonċernati oħrajn mill-katina tal-valur tal-kotba kollha.
Rapport tal-MMK dwar it-traduzzjoni u l-multilingwiżmu – “Tradutturi fuq il-qoxra”
Il-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar il-multilingwiżmu u t-traduzzjoni ppubblika r-rapport “Tradutturi fuq il-Qoxra” ta’ Frar 2022 dwar ir-rwol tat-tradutturi fis-setturi kulturali u kreattivi u ċ-ċirkolazzjoni tal-kotba fl-Ewropa.
Ir-rapport jesplora r-rwol kruċjali tat-tradutturi biex inaqqsu l-ostakli lingwistiċi u jippermettu t-tixrid tal-letteratura Ewropea. Dan jidħol fl-isfidi li jiffaċċjaw it-tradutturi u jipproponi soluzzjonijiet biex jappoġġjaw il-ħidma tagħhom, jippromwovu l-viżibbiltà u r-rikonoxximent tagħhom.
Ir-rapport jenfasizza l-importanza ta’ remunerazzjoni ġusta għat-tradutturi. Jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet dwar kif l-UE u l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri jistgħu jaħdmu flimkien biex jistimulaw it-traduzzjoni u l-promozzjoni tal-kotba Ewropej.
Grupp tal-MMK dwar il-libreriji
Il-libreriji għandhom rwol ewlieni fix-xenarju demokratiku, soċjali, kulturali u edukattiv tal-Ewropa fil-livelli kollha. Grupp tal-MMK dwar il-libreriji pubbliċi ilu jopera mill-2024, kif previst fil-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Kultura 2023-2026 approvat mill-Ministri tal-Kultura tal-Istati Membri.
Il-grupp jesplora l-futur tal-libreriji pubbliċi u, b’mod partikolari, kif jistgħu jissaħħu r-rwoli multipli tal-libreriji bħala gateways u trażmettituri ta’ xogħlijiet kulturali, ħiliet u valuri Ewropej.
Last updated:
Related content
Related links
This publication presents an overview of the funding schemes, themes, initiatives as well as the projects funded under the programme in support of the book and publishing sector over the period 2021-2023.
Read excerpts from books translated and published with the support of Creative Europe (2014-2020).