Skip to main content

Culture and Creativity

Il-politiki tal-UE u s-settur tal-arti tal-ispettaklu

L-Unjoni Ewropea tagħti sostenn lil proġetti fis-settur tal-arti tal-ispettaklu permezz tal-programm Ewropa Kreattiva. L-arti tal-ispettaklu tinkludi: it-teatru, iż-żfin, ir-rappreżentazzjonijiet, iċ-ċirklu, l-arti tat-triq, u l-ispettakli bil-pupazzi. Il-programm Ewropa Kreattiva għandu żewġ inizjattivi permanenti apposta: l-Inizjattiva Teatrali Ewropea u l-Perform Europe.

 

L-arti tal-ispettaklu: muftieħ għad-diversità kulturali tal-Ewropa

Filwaqt li d-diversità għanja tas-settur tal-arti tal-ispettaklu fl-Ewropa hija riżors ewlieni għas-soċjetajiet Ewropej, hemm diversi ostakli fundamentali li jxekklu lix-xogħlijiet tal-arti tal-ispettaklu milli jilħqu l-milja tagħhom u milli joħorġu ’l barra mill-fruntieri nazzjonali: 

  • il-frammentazzjoni tas-suq u tas-settur
  • l-ostakli lingwistiċi
  • l-ispejjeż tal-ivvjaġġar
  • kwistjonijiet loġistiċi
  • l-assigurazzjoni
  • id-drittijiet tal-awtur, eċċ.

Lil hinn mill-impatt negattiv fuq il-kumpaniji tal-arti tal-ispettaklu u fuq il-postijiet fejn jippreżentaw ix-xogħol tagħhom, dawn l-ostakli għad-distribuzzjoni transfruntiera qed ixekklu l-potenzjal tas-settur li jikkontribwixxi għall-ambizzjonijiet soċjali, ekonomiċi, u ta’ integrazzjoni tal-UE.

L-arti tal-ispettaklu: muftieħ għall-kompetittività tas-setturi kulturali tal-Ewropa

Skont iċ-ċifri tal-Eurostat, fl-UE s-setturi kulturali u kreattivi jimpjegaw 8.7 miljun ruħ, jiġifieri 3.8 % tal-forza tax-xogħol totali fl-UE, u jirrappreżentaw 1.2 miljun intrapriża. 

L-arti tal-ispettaklu hija fost l-aktar tliet setturi ffinanzjati permezz tal-fergħa Kultura tal-Ewropa Kreattiva, wara l-patrimonju u l-mużika, u hija settur li jiddependi ħafna fuq il-finanzjament pubbliku. 

L-arti tal-ispettaklu: rwol ewlieni fis-soċjetà

L-arti tal-ispettaklu għandha qawwa trasformattiva u spiss isservi bħala aġent tal-bidla fis-soċjetà. Permezz tas-sensibilizzazzjoni, l-azzjoni kollettiva, u narrattivi ġodda, is-settur qed iħejji lilu nnifsu biex jiffaċċja l-isfidi u l-kriżijiet tas-soċjetà kontemporanja: il-kundizzjonijiet tax-xogħol dejjem aktar prekarji tal-artisti u tal-professjonisti kulturali, l-imminar tad-demokraziji u tal-valuri tal-UE u tal-kultura, u l-kwistjonijiet kollha marbutin mal-iżvilupp sostenibbli, l-inklużjoni, u l-opportunitajiet indaqs.

Għaliex dan l-appoġġ hu meħtieġ

L-arti tal-ispettaklu hija fost is-setturi li l-aktar li ntlaqtu mill-Covid-19 u, issa li l-kriżi għaddiet, qed jirkupra bil-mod ħafna, kif jurur-Rapporti Annwali dwar is-Suq Uniku tal-2021 u tal-2022. Huwa stmat li t-telf globali tad-dħul fl-2020 kien ta’ madwar 31 %, u jaqbeż is-70 % għal setturi bħall-arti tal-ispettaklu, il-mużika, u ċ-ċinema.

Issa li l-kriżi wrietna biċ-ċar x’inhuma l-isfidi strutturali, is-settur jeħtieġ li jiġi sostnut fil-ħolqien tas-sostenibbiltà, tal-ekwità, u tal-ġustizzja, kif ukoll ta’ mudelli ġodda ta’ kollaborazzjoni. 

Fid-dawl tas-sitwazzjoni drammatika fl-Ukrajna, l-Ewropa Kreattiva u l-arti tal-ispettaklu isostnu l-promozzjoni tal-valur ewlieni tal-kultura u tal-kreattività fil-bini ta’ soċjetajiet inklużivi u koeżivi bbażati fuq il-valuri Ewropej tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. 

L-inklużjoni, id-diversità, u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri

L-arti tal-ispettaklu hija settur li jippermetti impatt konkret fuq l-inklużjoni, id-diversità, u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Tiffaċilita l-aċċess għall-kontenut kulturali u kreattiv Ewropew għal gruppi u udjenzi diversi, speċjalment għall-professjonisti u l-parteċipanti bi sfondi żvantaġġati u b’inqas opportunitajiet minħabba diżabilità jew problemi tas-saħħa, ostakli ekonomiċi, soċjali, jew ġeografiċi, jew differenzi kulturali. Billi tinkoraġġixxi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b’mod partikolari bħala xprun tal-kreattività, tat-tkabbir ekonomiku, u tal-innovazzjoni, l-arti tal-ispettaklu tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tan-nondiskriminazzjoni f’konformità mas-Sett ta’ Għodod għall-Integrazzjoni ta’ Kwistjonijiet tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri.

Is-sostenibbiltà

Fir-rigward tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-arti tal-ispettaklu tikkontribwixxi għall-Patt Ekoloġiku Ewropew billi tħeġġeġ lil dawk li joperaw fis-settur jadottaw prattiki aktar ambjentalment sostenibbli u, b’hekk, jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira ġenerali li 30 % tal-infiq tal-baġit tal-Unjoni jmorru biex jiġu sostnuti l-objettivi klimatiċi. Għax jaqdi rwol importanti fit-tranżizzjoni ekoloġika permezz tas-sensibilizzazzjoni, tat-tagħlim, tal-komunikazzjoni, u tal-qsim tal-għarfien u tal-prattiki tajbin, is-settur għandu jingħata l-appoġġ biex jilħaq il-milja sħiħa tiegħu sabiex jiġu żviluppati modi innovattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali.

Il-Covid-19 aċċellerat id-dibattitu fl-ambitu tat-tranżizzjoni diġitali kif ukoll l-iżvilupp tal-għodod iżda għabbiet lis-settur b’ħafna sfidi f’termini ta’ ħiliet, drittijiet, it-tqassim mill-ġdid tad-dħul, u r-remunerazzjoni ġusta tal-artisti fl-ambjent diġitali li dejjem jevolvi.

Ir-rwol pożittiv tal-arti tal-ispettaklu f’termini soċjetali u ekonomiċi għadu mhux sfruttat bis-sħiħ fit-tfassil tal-politika Ewropea u nazzjonali. Dan huwa l-każ anki minħabba n-nuqqas ta’ data affidabbli u komparabbli dwar is-settur, dwar is-sottosetturi tiegħu, dwar il-funzjonijiet tiegħu, u dwar ir-riżultati miksubin, li hija strumentali għall-politiki bbażati fuq l-evidenza. 

X’tagħmel l-Unjoni Ewropea biex tgħin

Il-Kummissjoni Ewropea tagħmel djalogu soċjali settorjali apposta għall-prestazzjonijiet live mal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u mal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.

Il-fergħa tal-kultura tal-Ewropa Kreattiva toffri appoġġ speċifiku għas-settur tal-arti tal-ispettaklu permezz tal-Perform Europe u tal-Inizjattiva Teatrali Ewropea.

Last updated:

Share this page