Skip to main content

Culture and Creativity

L-Inizjattiva Teatrali Ewropea

Fl-ambitu tal-Inizjattiva Teatrali Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea għamlet l-istudju dwar it-teatru u l-Forum Ewropew tat-Teatru.

Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet din l-azzjoni strateġika fl-2020 bħala r-rispons għall-pandemija tal-COVID-19, biex tagħti spinta lis-settur tal-arti tal-ispettaklu milqut mill-effetti tal-pandemija u ssaħħaħ is-sostenn li diġà kien qed jingħata.

Din l-Azzjoni Strateġika kienet tinkludi binarju ddedikat għar-riċerka permezz tal-istudju tal-Inizjattiva Teatrali Ewropea, binarju ddedikat għall-Komunità tal-Prattiki marbutin mas-settur permezz tal-Forum tat-Teatru Ewropew, kif ukoll skema speċifika ta’ finanzjament bl-azzjoni Perform Europe.

Bħala parti mill-Inizjattiva Teatrali Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea wettqet żewġ tipi ta’ azzjonijiet f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati subsettorjali: l-istudju dwar it-teatru u l-Fora Ewropej tat-Teatru.

L-Inizjattiva Teatrali Ewropea mad-daqqa t’għajn

Riċerka: L-Istudju Ewropew dwar it-Teatru tal-2020

Minħabba l-ħtieġa ta’ studju komprensiv dwar l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur teatrali tal-Ewropa, fis-sajf tal-2020 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-istudju “The situation of Theatres in the EU Member States”.

Dan l-istudju pprovda mmappjar komprensiv tal-profil soċjali u ekonomiku u l-impatt tas-settur teatrali, inklużi l-iskemi differenti ta’ appoġġ li jeżistu fil-pajjiżi tal-UE. 

Ikkontribwixxa għall-ġbir tad-data dwar is-settur u mela lakuni importanti fl-għarfien filwaqt li espanda d-data eżistenti dwar l-ekosistema teatrali, u dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi ewlenin tagħha. 

Id-data miġbura kkontribwiet direttament għat-tfassil tal-politika biex fil-livell Ewropew jiġu identifikati risponsi biex jingħata sostenn lis-settur, kif ukoll biex jittaffa l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.

Il-Komunità tal-Prattiki, il-Fora Ewropej tat-Teatru

Il-Forum Ewropew tat-Teatru tal-2020 u d-Dikjarazzjoni ta’ Dresden

Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Ministeru Federali Ġermaniż tal-Kultura u n-network tal-Konvenzjoni Ewropea tat-Teatru, organizzat il-Forum Ewropew tat-Teatru f’Novembru 2020. Dan kellu l-għan li jistabbilixxi t-triq lejn djalogu aktar strutturat fis-settur teatrali u ma’ dawk li jfasslu l-politika fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew permezz ta’ sħubijiet u ta’ kollaborazzjoni internazzjonali.

Il-Forum Ewropew tat-Teatru tal-2023 u r-Rakkomandazzjonijiet ta’ Opole.

L-edizzjoni tal-2023 tal-Forum Ewropew tat-Teatru laqqgħet flimkien lill-partijiet ikkonċernati ewlenin mill-komunità teatrali ma’ dawk li jfasslu l-politika biex isawru pjan direzzjonali biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet kritiċi u l-isfidi ewlenin li s-settur qed jiffaċċja f’dan is-seklu.

Il-Forum enfasizza l-importanza u l-ħtieġa politika tat-teatru u witta t-triq biex l-istituzzjonijiet Ewropej jagħmlu iktar biex jappoġġjaw b’mod speċifiku lis-settur teatrali. L-avveniment ħoloq forma ġdida ta’ djalogu mas-soċjetà ċivili. F’dan il-proċess, il-partijiet ikkonċernati ħarġu b’ideat u b’messaġġi ewlenin li jistgħu jinqasmu mal-esperti politiċi rilevanti.

Skopri aktar dwar il-Forum Ewropew tat-Teatru tal-2020 u dwar x’ħareġ minnu. [link: https://www.europeantheatreforum.eu/

Kontenut relatat

Tagged in:  Ewropa Kreattiva

Last updated: