Skip to main content

Culture and Creativity

Proċedura ta’ applikazzjoni għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew

L-organizzazzjonijiet tal-patrimopnju li huma miftuħa għall-pubbliku u li kkontribwew għall-istorja, is-solidarjetà u l-integrazzjoni tal-Ewropa mistiedna jwieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet, imħabbra mill-pajjiżi tal-UE li jipparteċipaw fl-azzjoni taċ-ĊPE.

Iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew jenfasizza x’jagħmlu s-siti ta’ patrimonju, mhux biss x’inhuma. Bħala postijiet ta’ komunità u involviment, l-applikanti mħeġġa jikkunsidraw kif jinvolvu udjenzi żgħażagħ fl-esplorazzjoni tal-istorja Ewropea u jenfasizzaw ir-rilevanza tagħha għal ħajjithom illum.

Għaliex għandek tapplika?

Il-kisba taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew tiftaħ il-bieb għal firxa ta’ benefiċċji, inklużi:

  • Perspettiva interpretattiva ġdida, li tenfasizza s-sinifikat tas-sit tiegħek fl-istorja Ewropea u r-rwol tiegħu fil-proġett Ewropew.
  • Opportunitajiet ta’ taħriġ u ta’ bini tal-kapaċità biex jissaħħu l-ħiliet u l-għarfien espert tat-tim tiegħek.
  • Aċċess akbar għal opportunitajiet ta’ finanzjament biex jiġu appoġġati l-ambizzjonijiet tiegħek.
  • Is-sħubija f’network Ewropew vibranti, li jgħaqqdek ma’ siti oħra taċ-ĊPE u jippermetti skambji siewja ta’ għarfien, esperjenza u prattika tajba.
  • Parteċipazzjoni f’ċerimonja prestiġjuża ta’ premjazzjoni Ewropea, segwita minn forum ta’ jumejn li jlaqqa’ flimkien il-komunità taċ-ĊPE.

Kriterji ta' eliġibbiltà

Is-siti kandidati għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew se jkollhom juru fl-applikazzjoni tagħhom

  • il-valuri Ewropej intrinsiċi tagħhom
  • ir-rwol li kellhom fil-kultura u l-istorja Ewropea u/jew it-tiswir tal-Unjoni.

Pajjiżi eliġibbli

Il-lista ta’ pajjiżi eliġibbli li jipparteċipaw f’din l-azzjoni hi definita fid-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-azzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew.

X’forom ta’ patrimonju huma eliġibbli?

Il-lista ta’ patrimonju li huwa eliġibbli hija definita fil-qafas legali li jistabbilixxi l-azzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew. Din tinkludi dan li ġej:

  • monumenti
  • siti naturali, taħt l-ilma, arkeoloġiċi, industrijali jew urbani
  • pajsaġġi kulturali
  • postijiet ta' kommemorazzjoni
  • oġġetti kulturali
  • oġġetti
  • patrimonju intanġibbli assoċjat ma’ post, inkluż il-wirt kontemporanju

Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet sal-lum jikkonċernaw siti ta’ patrimonju kulturali tanġibbli jew materjali, xi applikazzjonijiet huma relatati mal-patrimonju intanġibbli. L-użu tat-terminu “sit” b’rabta maċ-ĊPE jista’ jinkludi wkoll aspetti tal-patrimonju intanġibbli bħall-folklor, it-tradizzjonijiet jew il-ħiliet li ma għandhomx post fiżiku.

Min jista’ japplika?

L-Unjoni Ewropea tagħti ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew lil 3 tipi ta’ siti:

  1. applikazzjoni waħda minn sit wieħed
  2. applikazzjoni nazzjonali li biha diversi siti, li jinsabu fl-istess Stat Membru, jinġabru flimkien biex jiffukaw fuq tema speċifika waħda u jissottomettu applikazzjoni konġunta
  3. applikazzjoni transnazzjonali fejn diversi siti, li jinsabu f’pajjiżi differenti tal-UE, jingħaqdu flimkien biex jiffukaw fuq tema speċifika u jissottomettu applikazzjoni konġunta. Dan japplika wkoll għal xi sit li jinsab fit-territorju ta’ mill-inqas żewġ pajjiżi tal-UE

Għal applikazzjonijiet transnazzjonali, iċ-ċertifikat jingħata lis-sit kollu kemm hu u taħt isem waħdieni komuni. F’każ fejn sit transnazzjonali jissodisfa l-kriterji kollha, tingħata prijorità lil dik l-applikazzjoni matul l-għażla. 

Proċedura ta’ għażla

Kriterji ta’ għażla

Għal kull proċess tal-għażla biannwali kull pajjiż parteċipanti jista’ jagħżel minn qabel sa 2 siti għas-sottomissjoni lill-bord Ewropew li mbagħad jagħżel sit wieħed għal kull pajjiż parteċipanti.

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni jistabbilixxi l-kriterji għall-għażla minn qabel.

Proċedura ta’ preselezzjoni

Kull pajjiż tal-UE parteċipanti jistabbilixxi l-proċeduri tiegħu stess u l-kalendarju tiegħu stess għall-preselezzjoni skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-pajjiżi parteċipanti jibagħtu l-formoli tal-applikazzjoni għas-siti magħżulin minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea sal-1 ta’ Marzu tas-sena tal-proċedura tal-għażla, skont il-kalendarju tal-qafas legali.

Proċedura ta’ għażla

Bord Ewropew ta’ esperti indipendenti jwettaq l-għażla tas-siti fil-livell tal-UE taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea. Dan il-bord jagħżel massimu ta’ sit wieħed għal kull pajjiż parteċipanti.

Il-bord joħroġ rapport dwar is-siti magħżulin minn qabel inkluża rakkomandazzjoni għall-attribuzzjoni taċ-ċertifikat.

Imbagħad il-Kummissjoni Ewropea tagħżel is-siti li se jingħataw iċ-ċertifikat, wara li tqis ir-rakkomandazzjoni tal-bord Ewropew.

Is-siti kandidati mhux magħżulin din id-darba jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet ġodda għall-għażla minn qabel fil-livell nazzjonali fis-snin ta’ wara. L-assistenza se tiġi pprovduta mill-Bureau taċ-ĊPE mal-applikazzjoni jekk tintalab.

Dokumenti tal-applikazzjoni

Kif speċifikat fid-dokument tal-linji gwida għas-siti kandidati, is-siti kandidati għandhom jikkuntattjaw lill-koordinatur nazzjonali taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew għal informazzjoni dwar il-preselezzjoni fil-livell nazzjonali. Jekk jogħġbok issottometti il-formola tal-applikazzjoni mimlija lill-koordinatur nazzjonali rispettiv.

Għal mistoqsijiet speċifiċi, ikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea fuq EAC-EUROPEAN-HERITAGE-LABEL-COORDINATION@ec.europa.eu.

Għal informazzjoni addizzjonali u mistoqsijiet ġenerali dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni, ikkuntattja lill-koordinatur nazzjonali fl-Istat Membru rispettiv.

Validità taċ-ċertifikat mogħti

L-Unjoni Ewropea tagħti ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju fuq bażi permanenti.

L-Istat Membru rilevanti jimmonitorja regolarment kull sit rebbieħ tal-premju sabiex jiżgura li jkompli jissodisfa l-kriterji għall-attribuzzjoni taċ-ċertifikat u li jirrispetta l-proġett u l-pjan ta’ ħidma sottomessi mal-applikazzjoni.

Is-siti jistgħu jirrinunzjaw iċ-ċertifikat fi kwalunkwe ħin. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Istati Membri kkonċernati, li min-naħa tagħhom għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni. Aktar informazzjoni dwar il-monitoraġġ, l-irtirar, jew ir-rinunzja hi disponibbli fid-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-azzjoni.

Għażliet preċedenti

Sib ir-rapporti tal-bord Ewropew dwar il-proċeduri ta’ għażla taħt it-taqsima tar-Rapporti fl-aħħar tal-paġna.

Tagged in:  Ewropa Kreattiva

Last updated: