Skip to main content

Culture and Creativity

Il-Werkbund Estates fl-Ewropa (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Polonja)

Il-Werkbund Estates fl-Ewropa tal-1927-1932 huma sit transnazzjonali, li jinkludi 4 pajjiżi (il-Ġermanja, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija) u 5 ibliet (Stuttgart, Wroclaw, Brno u Praga, Vjenna). Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, kien hemm problema urġenti fl-Ewropa kollha ta’ nuqqas mifrux ta’ akkomodazzjoni xierqa. B’reazzjoni għal dan, taħt il-moviment “Oġġettività Ġdida”, il-periti progressivi fl-ideat tagħhom minn partijiet differenti tal-Ewropa xtaqu jsibu soluzzjonijiet affordabbli li jissodisfaw il-ħtieġa soċjali b’bini ddisinjat tajjeb u ta’ kwalità għolja.

L-ewwel Werkbund Estate, Weissenhof, inbena fi Stuttgart fl-1927, u dan kien ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn biex jadottaw prinċipji modernisti għal proġetti simili. Sussegwentement inbnew l-estates l-oħrajn mill-1928 sal-1932. Dawn kollha ħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex iwasslu l-ideat progressivi tagħhom lil pubbliku usa’. Taħt ir-reġim Nazista, il-binjiet kienu mwaqqgħin għaċ-ċajt għall-moderniżmu tagħhom. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija u l-bini ta’ aktar proġetti wara l-Purtiera tal-Ħadid, il-Werkbund Estates żviluppaw f’direzzjonijiet separati. Fl-2013, ġie ffurmat network ta’ estates biex jippromwovi skambji ta’ prattiki tajba u pariri għall-preservazzjoni tagħhom. Il-Werkbund Estate f’Zurich (l-Iżvizzera) hu parti min-network tal-2013.

Il-Werkbund Estates fl-Ewropa (1927-1932) bdew bħala esperiment arkitettoniku, iżda kellhom influwenza kbira fuq l-arkitettura modernista tas-seklu 20, billi ppermettew lill-periti minn pajjiżi Ewropej differenti jpoġġu t-teoriji modernisti tagħhom fil-prattika. L-Estates huma manifestazzjoni tal-oriġini Ewropea ta’ dan il-moviment bi żviluppi sostanzjali f’5 pajjiżi.

Il-Werkbund Estates għandhom post importanti fl-istorja tal-arkitettura fl-Ewropa, iżda l-evoluzzjoni tal-insedjamenti matul iż-żmien tirrifletti wkoll id-diversi sitwazzjonijiet politiċi u soċjali bejn il-Lvant u l-Punent. L-aspirazzjonijiet soċjali, emanċipatorji, estetiċi u tekniċi tagħhom u t-tagħlimiet miksubin jibqgħu sors ta’ ispirazzjoni sal-ġurnata tal-lum, meta diversi pajjiżi Ewropej qegħdin isibuha diffiċli biex jipprovdu akkomodazzjoni soċjali adegwata għall-popolazzjonijiet tagħhom.