Skip to main content
Culture and Creativity home page Culture and Creativity home page

Culture and Creativity

Kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-kultura

X’tagħmel l-UE għall-kultura abbażi it-trattati u d-dipartimenti responsabbli fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

L-ebda wieħed mid-dokumenti fundaturi tal-Unjoni Ewropea ma jipproponi definizzjoni stretta u restrittiva dwar x’inhi l-kultura, filwaqt li jitħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri u tal-individwi li jiddefinixxuha, abbażi tas-sensittività nazzjonali, lokali u individwali tagħhom. Il-bażi ġuridika tal-programm Ewropa Kreattiva, l-uniku programm tal-Unjoni Ewropea ddedikat speċifikament għall-appoġġ tal-kultura, madankollu jipprovdi definizzjoni miftuħa tal-industriji kulturali u kreattivi.

Raġunijiet ta’ kompetenza tal-UE fil-qasam tal-kultura

L-introduzzjoni tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) tirreferi għal ispirazzjoni “mill-patrimonju kulturali, reliġjuż u umanista tal-Ewropa”. Huwa jispeċifika wkoll li wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea huwa li “tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha, u [...] għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew (l-Artikolu 3 tat-TUE)”. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikonoxxi li l-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-kultura huma li “tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri”.

Assistenza lis-setturi kulturali u kreattivi

Bl-Istati Membri individwali tal-UE responsabbli għall-politiki tagħhom stess għas-settur kulturali, ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea huwa li tgħin biex jiġu indirizzati sfidi komuni. Dawn jinkludu l-impatt tat-teknoloġiji diġitali, il-mudelli ta’ governanza kulturali li qed jinbidlu u l-ħtieġa li jiġu appoġġjati s-setturi kulturali u kreattivi fl-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni twettaq l-azzjonijiet tagħha f’konformità mad-dokumenti strateġiċi dwar il-kooperazzjoni kulturali kif ukoll il-prijoritajiet tagħha stess, stabbiliti għal mandat partikolari tal-Kummissjoni.

Sabiex jiġi żgurat li r-rwol soċjali u ekonomiku tal-kultura jiġi rikonoxxut fit-tfassil usa’ tal-politika u l-azzjonijiet tal-UE, il-Kummissjoni taħdem fuq għadd ta’ temi ewlenin . Tiżgura wkoll li n-natura kumplessa tas-setturi kulturali u kreattivi tkun riflessa fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE .

Il-Kummissjoni tgħin ukoll lill-Istati Membri jtaffu l-effetti negattivi tal-kriżijiet u kwalunkwe sfida fejn ir-rispons koordinat tal-UE jista’ jkun ta’ benefiċċju.

Kummissjoni u kultura – tmexxija u servizzi responsabbli

Mariya Gabriel bħalissa hija l-Kummissarju responsabbli għas-setturi kulturali u kreattivi. Il-mandat tagħha huwa li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura, u tippromwovi l-industriji kreattivi u l-Programm Ewropa Kreattiva. Il-portafoll tagħha jinkludi wkoll l-innovazzjoni, ir-riċerka, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ.

Id-dipartiment tal-Kummissjoni inkarigat mill-kultura huwa d-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura (DĠ EAC). Id-DĠ EAC jippromwovi azzjoni fil-livell tal-UE f’dan il-qasam, li jkopri s-setturi kulturali u kreattivi inklużi l-wirt kulturali, jiżviluppa politiki bbażati fuq data u evidenza miġbura u jimmaniġġja l-programm tal-UE għall-kultura - il-programm Ewropa Kreattiva .

Xi dipartimenti oħra tal-Kummissjoni li jaħdmu fuq kwistjonijiet marbuta mas-setturi kulturali u kreattivi huma

Kwistjonijiet relatati mal-kultura huma koperti wkoll f’diversi politiki u programmi oħra mmaniġġjati minn servizzi oħra tal-Kummissjoni bħall-impjiegi jew l-iżvilupp lokali u reġjonali.