Skip to main content

Culture and Creativity

Data dwar is-settur kulturali

L-UE għandha industriji kulturali u kreattivi b’saħħithom. Dawn mhumiex biss essenzjali għad-diversità kulturali tal-Ewropa, għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u biex jagħmlu lill-Ewropa aktar attraenti mal-bqija tad-dinja. Huma fost l-aktar setturi dinamiċi tal-kontinent. Skont iċ-ċifri tal-Eurostat, l-industriji kulturali u kreattivi jimpjegaw 8.7 miljun ruħ fl-UE, ekwivalenti għal 3.8% tal-forza tax-xogħol totali fl-UE, dawn jirrappreżentaw 1.2 miljun intrapriża.

Statistika kulturali tal-UE

Fuq dawn l-aħħar snin il-Eurostat ipproduċa bażi tad-data estensiva dwar il-kultura. L-aħħar statistika disponibbli tinsab fis-sit web tal-Eurostat: Statistika kulturali tal-UE. Il-“Gwida għall-istatistika tal-kultura tal-Eurostat” mill-2018 tiġbor fil-qosor din il-ħidma, tiddeskrivi l-oqsma differenti tal-istatistika kultura disponibbli fil-livell tal-UE, kif ukoll il-metodoloġija użata għall-kompilazzjoni. Madankollu, għad hemm data nieqsa fil-livell tal-UE għal bosta indikaturi u setturi.

Barra minn hekk, mhux id-data kollha disponibbli fil-livell tal-Istati Membri tiġi rrappurtata lill-Eurostat, peress li mhix koperta minn stħarriġiet statistiċi obbligatorji tal-UE.

Użu tad-data biex jiġu żviluppati politiki rilevanti

Informazzjoni statistika preċiża dwar is-setturi kulturali u kreattivi tikkontribwixxi għall-ħidma tal-Kummissjoni fl-identifikazzjoni ta’ miżuri effettivi għall-appoġġ ta’ dawn is-setturi u għall-iżvilupp ta’ politiki rilevanti tal-UE.

L-istatistika hi essenzjali wkoll għall-professjonisti kulturali u kreattivi; wieħed mill-ostakli għall-finanzjament hu n-nuqqas ta’ data suffiċjenti u affidabbli fis-settur. Dan in-nuqqas ta’ data jillimita l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), biex jiżguraw finanzjament mill-investituri u mill-istituzzjonijiet.

Minbarra l-ħidma regolari tal-Eurostat dwar l-istatistika kulturali, il-Kummissjoni Ewropea pproduċiet jew ikkummissjonat diversi studji li jikkontribwixxu biex jiddelineaw il-kumplessità tas-setturi kulturali u kreattivi u l-kontribut tagħhom għat-tkabbir ekonomiku tal-UE:

Bħala parti mill-Azzjoni Preparatorja tal-inizjattiva Il-Mużika Ċċaqlaq l-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea se tippubblika wkoll żewġ studji b’enfasi speċifika fuq is-settur tal-mużika, id-data tas-suq l-aktar reċenti tiegħu u l-lakuni statistiċi.

Il-passi li jmiss

B’mod parallel mal-ħidma regolari tal-Eurostat dwar l-aġġornament tal-istatistika kulturali eżistenti kull sena, il-Kummissjoni Ewropea se teżamina wkoll sorsi komplementari biex timla l-lakuni fid-data fil-livell tal-UE. Hi u tanalizza setturi kulturali speċifiċi – jiġifieri l-mużika, il-wirt kulturali u l-kotba Ewropej – u permezz ta’ kooperazzjoni kontinwa mal-Istati Membri Ewropej, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, il-Kummissjoni għandha l-għan li tkompli tidentifika l-aħjar prattiki, tibni l-bażi tal-evidenza għall-politika, u timpenja ruħha ma’ rappreżentanti mis-settur kollu.