Skip to main content

Culture and Creativity

Ekosistema li tappoġġja lill-artisti

Il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2015-18 jiġbor lis-setturi kulturali u kreattivi, l-ekonomija kreattiva u l-innovazzjoni f’waħda mill-erba’ prijoritajiet ewlenin tiegħu għall-kooperazzjoni fit-tfassil tal-politika kulturali. L-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura u l-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019-2022 jenfasizzaw l-importanza tas-setturi kulturali u kreattivi għall-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi, il-koeżjoni u l-benessri tas-soċjetajiet.

Is-setturi kulturali u kreattivi joperaw fi ħdan ekosistemi. Fil-qalba ta’ dan l-approċċ tal-ekosistemi hemm l-idea li s-setturi kulturali u kreattivi jaħdmu b’mod interkonness ma’ setturi differenti relatati magħhom, jew ma’ setturi kompletament differenti, u wkoll b’mod transsettorjali. Dan ġie indikat mir-rapport tal-MMK dwar “Ir-rwol tal-politiki pubbliċi fl-iżvilupp tal-potenzjal intraprenditorjali u innovattiv tas-setturi kulturali u kreattivi".

L-ekosistemi kulturali u kreattivi huma dawk li jgħajxu lill-innovazzjoni, b’mod partikolari fi ħdan il-kunċett wiesa’ tal-innovazzjoni li kull ma jmur qed jiġi rikonoxxut, li jmur lil hinn minn innovazzjoni purament teknoloġika, minn STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) għal STEAM (xjenza, teknoloġija, inġinerija, arti u matematika) u jinkludi aspetti ta’ innovazzjoni soċjali u soċjetali. Dan l-approċċ huwa rifless fi programmi ġodda bħal Orizzont Ewropa u KKI (Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni) għall-Industriji Kulturali u Kreattivi (IKK), fejn is-setturi kulturali u kreattivi għandhom rwol ċentrali.

Appoġġ u kokreazzjoni tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea ffukat fuq approċċ ta’ ekosistema biex tappoġġja lill-artisti, il-professjonisti kulturali u kreattivi u l-kontenut Ewropew permezz ta’ varjetà ta’ inizjattivi, inkluż pereżempju l-finanzjament taħt il-Programm Ewropa Kreattiva u mezzi oħra ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE.

Il-proġett ta’ politika FLIP (“Finanzi, Tagħlim, Innovazzjoni u Privattivi”) iffinanzjat mill-UE għall-industriji kulturali u kreattivi għamel rieżami tal-approċċ tal-ekosistemi. Bl-għajnuna ta’ dan il-proġett, f’Jannar 2020 ġiet organizzata konferenza ta’ rendikont li involviet l-esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex iħarsu lejn il-kisbiet li jikkonċernaw il-finanzi, l-innovazzjoni u suġġetti importanti oħra għas-setturi kulturali u kreattivi. Aqra l-konklużjonijiet tal-konferenza [pdf].

Kondiviżjoni tal-informazzjoni

Tista’ ssib informazzjoni addizzjonali dwar is-setturi kulturali u kreattivi fuq il-pjattaforma Creatives Unite. L-esperimentazzjoni u l-kokreazzjoni tal-politiki, it-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju ta’ prattiki tajba mas-soċjetà ċivili (id-djalogu Vuċijiet tal-Kultura), attivitajiet oħra ta’ tagħlim bejn il-pari b’ċentri kreattivi bħan-network tal-UE ta’ ċentri kreattivi mal-ibliet u r-reġjuni jgħinu biex jissawru politiki għal ekosistemi kulturali u kreattivi.

Kundizzjonijiet tax-xogħol

Biex timplimenta l-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019-2022, il-Kummissjoni nediet studju dwar l-istatus u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u l-professjonisti kulturali u kreattivi li se jiġi segwit minn grupp tal-MMK, kif ukoll djalogu tal-Vuċijiet tal-Kultura dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti. Dawn l-azzjonijiet jibnu fuq inizjattivi preċedenti bħar-rapport tal-MMK tal-2012 li jipproponi prinċipji ewlenin għal qafas b’saħħtu biex jappoġġja l-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti kulturali (fl-2016 kien hemm laqgħa ta’ rendikont). Hemm ukoll l-istudju tal-Parlament Ewropew tal-2006 dwar l-Istatus tal-Artisti fl-Ewropa, jew il-grupp tal-MMK tal-2018 dwar l-Innovazzjoni u l-intraprenditorija fis-setturi kulturali u kreattivi, li jirrakkomanda li tingħata ħarsa aktar mill-qrib lejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Finanzjament u regolament usa’

Fir-rigward tal-finanzjament, l-UE tappoġġja l-ekosistemi permezz ta’ programmi bħal Ewropa Kreattiva, Orizzont 2020, COSME (inkluż Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ) jew il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

L-ambjent regolatorju tal-UE, pereżempju r-reviżjonijiet tad-drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fil-qafas tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, taffettwa wkoll l-iżvilupp tas-setturi kulturali u kreattivi fil-mod kif joperaw, kif ukoll it-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza.