Il-Proġett ta’ Sħubija WORTH jappoġġja lill-SMEs tas-settur kreattiv biex jikkollaboraw b’mod transnazzjonali bil-ħsieb li jiżviluppaw prodotti innovattivi mmexxija mid-disinn billi jistimulaw l-iskambju u s-sħubija bejn il-kreaturi, id-disinjaturi, il-manifatturi, l-artiġjani u d-ditti tat-teknoloġija. Hu bbażat fuq prinċipji ewlenin bħall-kwalità tal-esperjenza, inklużi l-istil u l-estetika, ambjenti tal-għajxien tajbin għas-saħħa u sikuri, is-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità kif ukoll l-inklużjoni, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà.
L-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ huwa programm ta’ skambju transfruntier, li jippermetti lill-intraprendituri żgħażagħ aspiranti jaħdmu ma’ imprendituri b’aktar esperjenza li jmexxu negozji żgħar f’pajjiżi oħra, u jitgħallmu mingħandhom.
In-Network Enterprise Europe (EEN) huwa network reġjonali, punt uniku ta' kuntatt għall-SMEs li jfittxu li jtejbu l-kompetittività tagħhom. Biex jagħmel dan, l-EEN jipprovdi lill-SMEs b’appoġġ għan-negozju u jagħtihom pariri dwar l-opportunitajiet fis-suq intern. L-EEN jikkoopera ma’ inizjattivi reġjonali bħall-Pjattaformi ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, iċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali, il-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni u Ċentri Ewlenin ta’ Teknoloġija Abilitanti (KETs).