Skip to main content

Culture and Creativity

Pjattaformi Ewropej għall-promozzjoni tal-artisti emerġenti

  Aktar opportunitajiet għat-talent ġdid fix-xenarju kreattiv tal-Ewropa

Din l-azzjoni ta’ finanzjament tal-Ewropa Kreattiva tappoġġa l-pjattaformi tranżnazzjonali li jidentifikaw u jappoġġaw lill-artisti emerġenti, jinkoraġġixxu ċ-ċirkolazzjoni transfruntiera tax-xogħlijiet tagħhom u jsaħħu l-preżenza tagħhom fix-xena artistika Ewropea u internazzjonali.

X’inhu l-iskop tal-pjattaformi Ewropej?

L-għan tal-pjattaformi Ewropej huwa li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-artisti u tal-professjonisti kulturali emerġenti.

Dan jinkludi:

  • titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, fosthom l-ivvjaġġar għall-preżentazzjoni ta’ xogħlijiet artistiċi, il-preżentazzjonijiet u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet, u r-remunerazzjoni ġusta
  • aktar integrazzjoni tal-kultura fil-ħajja ċivika u pubblika
  • espansjoni tal-aċċess, tal-parteċipazzjoni u tal-esponiment internazzjonali

B’dan il-mod, il-pjattaformi jikkontribwixxu għall-prijoritajiet ewlenin tal-politika kulturali tal-UE u jaffermaw ir-rwol vitali tal-kultura fis-soċjetà.

Temi u prijoritajiet

Il-pjattaformi huma ggwidati mill-valuri Ewropej ewlenin: il-libertà artistika, id-diversità, l-ekwità, l-inklużjoni, is-solidarjetà u s-sostenibbiltà. 

Dawn jiffukaw fuq is-suġġetti li ġejjin: 

  • kundizzjonijiet tax-xogħol u remunerazzjoni ekwa għall-artisti u l-professjonisti kulturali
  • il-libertà tal-espressjoni artistika, il-mobbiltà u l-kollaborazzjoni transfruntiera
  • id-diversità, l-ugwaljanza u l-inklużjoni b’attenzjoni għall-bilanċ bejn il-ġeneri u l-gruppi sottorappreżentati
  • l-apprendiment u l-iżvilupp tal-ħiliet biex tiġi żgurata r-rilevanza għas-setturi li qed jevolvu 
  • l-involviment taż-żgħażagħ u r-reżiljenza settorjali
  • id-demokrazija u s-solidarjetà permezz tal-kultura, inkluż l-appoġġ għall-Ukrajna
  • is-sostenibbiltà u l-azzjoni klimatika

Il-punti ewlenin tas-selezzjoni tal-2021

Mill-2021 sal-2023, 16-il pjattaforma Ewropea rċevew finanzjament ta’ €33.4 miljun biex iżidu l-viżibbiltà tal-artisti emerġenti Ewropej u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet fuq livell internazzjonali. Dawn il-pjattaformi, magħmula minn 316 membru minn 38 pajjiż u mmexxija minn koordinaturi minn 12-il pajjiż, iffukaw fuq l-iżvilupp u l-involviment tal-artisti emerġenti u tal-udjenza, fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-aċċess għall-kontenut kulturali, u fuq il-ħolqien ta’ marka b’saħħitha u tikketta ta’ kwalità bħala appoġġ għall-karrieri tal-artisti żgħażagħ.

Esplora s-16-il pjattaforma u l-membri tagħhom hawn taħt billi tagħżel is-sena 2021.

Il-punti ewlenin tas-selezzjoni tal-2024

Fl-2024, l-azzjoni espandiet b’mod sinifikanti permezz ta’ finanzjament ta’ €50 miljun u 19-il proġett magħżul ġdid biex jappoġġaw eluf ta’ artisti emerġenti u jirriflettu r-realtajiet tas-setturi kulturali u kreattivi tal-Ewropa li qed jinbidlu. Kull proġett jopera fuq mudell ta’ sħubija partikolari, bl-użu ta’ mekkaniżmu ta’ għotjiet kaskata, b’medja ta’ 22 organizzazzjoni membru għal kull pjattaforma li flimkien ikopru 41 pajjiż.

Il-pjattaformi magħżula jirriflettu spettru wiesa’ tas-setturi kulturali u kreattivi tal-Ewropa.

Xi pjattaformi jesploraw l-ispazji pubbliċi, filwaqt li oħrajn jgħaqqdu l-kultura mas-saħħa, mal-kura u mat-trasformazzjoni soċjali, u dawn joperaw f’ambitu ġeografiku wiesa’ u dinamiku u jirriflettu r-rikkezza kulturali tal-Ewropa. 

Esplora d-19-il pjattaforma u l-membri tagħhom hawn taħt billi tagħżel is-sena 2024.

Tagged in:  Ewropa Kreattiva

Last updated:

Third party logos

The European Commission does not own intellectual property rights on the third party logos used on this website.

Logos are used with their owners' agreement and are not subject to our reuse policy.