Skip to main content

Culture and Creativity

Dwar il-Programm Ewropa Kreattiva

Ewropa Kreattiva hu l-programm ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja s-setturi kulturali u awdjoviżivi.

Slide

Il-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027 għandu baġit ta’ €2.44 biljun, meta mqabbel ma’ €1.47 biljun tal-programm preċedenti (2014-2020). Ewropa Kreattiva jinvesti f’azzjonijiet li jsaħħu d-diversità kulturali u jwieġbu għall-ħtiġijiet u l-isfidi tas-setturi kulturali u kreattivi.

L-objettivi ewlenin tal-programm huma li:

  • jiġu ssalvagwardati, żviluppati u promossi d-diversità u l-patrimonju kulturali u lingwistiku Ewropew;
  • jiżdiedu l-kompetittività u l-potenzjal ekonomiku tas-setturi kulturali u kreattivi, b'mod partikolari tas-settur awdjoviżiv.

In-novitajiet tal-programm se jikkontribwixxu għall-irkupru ta’ dawn is-setturi, filwaqt li jsaħħu l-isforzi tagħhom biex isiru aktar inklużivi, aktar diġitali u ambjentalment aktar sostenibbli.

Il-programm Ewropa Kreattiva hu maqsum f’3 fergħat:

Fergħa KULTURA

Inizjattivi li jippromwovu u jtejbu l-kooperazzjoni artistika u kulturali fil-livell Ewropew.

Fergħa MEDIA

Azzjonijiet li jinkoraġġixxu l-kompetittività, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà tas-settur awdjoviżiv Ewropew.

Fergħa TRANSSETTORJALI

Inizjattivi li jippromwovu azzjonijiet innovattivi u kollaborazzjoni fis-setturi awdjoviżivi u kulturali.

Novitajiet tal-programm Ewropa Kreattiva

In-novitajiet ewlenin tal-programm huma

  • enfasi akbar fuq il-ħolqien transnazzjonali u fuq l-innovazzjoni
  • aċċess aktar faċli għall-finanzjament permezz ta’ rati ogħla ta’ kofinanzjament (livelli ogħla ta’ kontribuzzjoni minn Ewropa Kreattiva għall-proġetti)
  • enfasi fuq l-appoġġ tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE biex is-settur awdjoviżiv Ewropew isir aktar kompetittiv globalment
  • skema ta’ mobbiltà għall-artisti u l-professjonisti
  • azzjonijiet li jimmiraw il-ħtiġijiet ta’ setturi kreattivi speċifiċi, bħall-mużika, l-arkitettura u l-wirt kulturali.

Eliġibbiltà għall-finanzjament

Il-programm Ewropa Kreattiva hu miftuħ għal organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi mill-Istati Membri tal-UE, kif ukoll pajjiżi mhux tal-UE. Soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, il-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea, il-pajjiżi kandidati/kandidati potenzjali u l-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jistgħu jipparteċipaw ukoll fil-programm.

Sib aktar informazzjoni dwar il-pajjiżi eliġibbli, kif ukoll fil-linji gwida ta’ kull sejħa speċifika għall-proposti.

Il-proċess tal-applikazzjoni

L-organizzazzjonijiet interessati li japplikaw għal opportunitajiet jistgħu jsiru jafu aktar fil-paġni individwali ta’ kull fergħa tal-programm (elenkati hawn fuq).

Informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proċess ta’ applikazzjoni se tkun disponibbli fi żmien xieraq fuq is-sit web tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u l-Kultura, kif ukoll fit-taqsima tas-sejħiet għall-proposti. L-applikanti jistgħu jiġu appoġġjati wkoll mid-Desks ta’ Ewropa Kreattiva.

Tagged in:  Ewropa Kreattiva