Skip to main content

Culture and Creativity

Opportunitajiet ta’ finanzjament fil-qasam tal-wirt kulturali

finanzjament għall-wirt kulturali

Diversi programmi ta’ finanzjament tal-UE jappoġġjaw il-wirt kulturali fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali, il-baġit pluriennali tal-UE li jkopri l-perjodu bejn l-2021 u l-2027.

Kull min hu interessat japplika għal finanzjament minn dawn il-programmi jista’ juża l-gwida ta’ finanzjament CulturEU. Din l-għodda, li faċli biex tużaha, tippreżenta l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli għas-setturi tal-kultura u tal-kreattività fil-programmi tal-UE għall-perjodu 2021-2027.

Il-gwida ta’ finanzjament CulturEU hija disponibbli bħala għodda interattiva online u bħala gwida li tista’ tiġi stampata. Tkopri opportunitajiet marbutin ma’ madwar 20 programm ta’ finanzjament tal-UE li jistgħu jappoġġaw proġetti b’dimensjoni kulturali u kreattiva.

Ewropa Kreattiva

Il-programm Ewropa Kreattiva huwa s-sors ewlieni ta’ finanzjament tal-UE għas-setturi tal-kultura u tal-kreattività.

L-Erasmus+

Il-programm Erasmus+ jiffoka fuq proġetti ta’ mobbiltà u skambji virtwali, fuq kooperazzjoni u sħubijiet organizzattivi kif ukoll fuq appoġġ għall-kooperazzjoni politika fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Il-programm huwa miftuħ għal individwi u organizzazzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE, mill-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm, u minn pajjiżi sħab oħrajn.

Matul is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018), l-Erasmus+ ta kważi €92 miljun lil 965 proġett ta’ kooperazzjoni u ta’ mobbiltà li jiffukaw fuq il-wirt kulturali.

Proġetti fiċ-ċentru tal-attenzjoni

Il-HeritagePRO huwa proġett tal-Erasmus+ dwar il-qsim ta’ prattiki tajba fil-konservazzjoni tal-wirt kulturali.

Tista’ tesplora dan il-proġett u proġetti oħrajn tal-Erasmus+ dwar il-wirt kulturali fuq il-pjattaforma tar-riżultati tal-proġetti tal-Erasmus+, jew billi tniżżel il-pubblikazzjoni "Erasmus+: It-tisħiħ tal-wirt kulturali tagħna”.

L-Orizzont Ewropa

L-Orizzont Ewropa huwa l-kontinwazzjoni tal-Orizzont 2020 bħala l-programm ewlieni tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, b’baġit ta’ €95.5 biljun.

Niżżel skeda informattiva b’ħarsa ġenerali lejn il-baġit

Il-programm huwa mibni fuq 3 pilastri:

  1. Xjenza eċċellenti
  2. L-Isfidi Dinjin u l-Kompetittività Industrijali Ewropea
  3. Ewropa Innovattiva

Il-promozzjoni tal-wirt kulturali taqa’ taħt ir-Raggruppament 2 tal-pilastru 2 “Kultura, Kreattività, u Soċjetà Inklużiva”. Fost objettivi oħrajn, l-attivitajiet ta’ Riċerka u Innovazzjoni fir-Raggruppament 2 għandhom l-għan li “itejbu l-protezzjoni, it-tisħiħ, il-konservazzjoni, u r-restawr aktar effiċjenti tal-wirt kulturali Ewropew”.

Iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet, u l-Valuri (Citizens, Equality, Rights, and Values - CERV)

Il-programm CERV jikkontribwixxi biex iċ-ċittadini jifhmu l-Unjoni, l-istorja tagħha, u d-diversità li tħaddan. Barra minn hekk, iħeġġeġ lin-nies biex jieħdu sehem fil-proċessi demokratiċi fil-livell tal-UE.

Parti importanti tal-programm tiffoka fuq l-importanza li ma ninsewx: inżommu ħajjin il-memorji tal-imgħoddi sabiex inkunu nistgħu nitgħallmu minn dak li ġarrabna u nibnu futur aħjar fuq il-bażi ta’ din l-esperjenza. Il-wirt kulturali għandu rwol importanti f’dan l-isforz.
Eżempju ta’ proġetti ffinanzjati mis-CERV huma l-proġetti tal-ġemellaġġ tal-lokalitajiet. Dawn jinkludu attivitajiet relatati mal-wirt kulturali, flimkien mal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ċivika u l-involviment fil-livell tal-UE.

 

Il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

Il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali – li jinkludu l-Interreg Europe – huma s-sorsi ewlenin ta’ finanzjament għall-iżvilupp reġjonali tal-UE.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma inkarigati mill-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ sinifikanti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Fl-ambitu ta’ baġit ta’ €226 biljun għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, inklużi €9 biljun għall-programm Interreg, madwar €4.7 biljun huma allokati biex jinħolqu impjiegi lokali f’siti ta’ wirt kulturali u biex aktar nies jitħajru jżuru bliet u postijiet speċifiċi.

L-Interreg Europe huwa serje ta’ programmi maħsubin biex jistimulaw il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni fl-UE u barra minnha. Il-wirt kulturali huwa fost l-aktar suġġetti popolari fl-Interreg Europe.

Last updated: