Skip to main content

Culture and Creativity

Awdjoviżiv

Il-Kummissjoni Ewropea tqis is-settur tal-films u dak awdjoviżiv (AV) bħala vitali għas-salvagwardja tad-diversità kulturali u s-sovranità tal-Ewropa. Għalhekk, hija tappoġġja l-iżvilupp, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej ta’ kwalità għolja (inklużi films, sensiliet televiżivi, dokumentarji, logħob tal-kompjuter u kontenut immersiv) bl-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-AV fil-livell globali.

Il-Programm MEDIA ta’ Ewropa Kreattiva

Il-fergħa MEDIA tal-programm Ewropa Kreattiva ilha tappoġġja l-industriji Ewropej tal-films u tal-AV mill-1991. Matul is-snin, dan l-appoġġ evolva biex jadatta għall-bidliet teknoloġiċi, billi stabbilixxa miżuri bħal

  • l-għoti ta’ appoġġ lill-professjonisti permezz ta’ inċentivi ta’ taħriġ u kooperazzjoni
  • l-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ films, logħob tal-kompjuter u, aktar reċentement, esperjenzi immersivi
  • l-aċċellerazzjoni tad-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fl-Ewropa u lil hinn minnha
  • l-appoġġ għal festivals, swieq, teatri taċ-ċinema u proġetti ta’ żvilupp tal-udjenza
  • il-promozzjoni ta’ politika awdjoviżiva Ewropea olistika

Sfidi attwali għas-settur awdjoviżiv

L-industrija awdjoviżiva Ewropea hija ffurmata minn għadd kbir ta’ kumpaniji indipendenti tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni b’livell għoli ta’ innovazzjoni u kreattività. Filwaqt li dawn il-kumpaniji jinkorporaw il-potenzjal kreattiv impressjonanti tal-industriji kulturali Ewropej, spiss ma jkollhomx is-saħħa finanzjarja biex jikkompetu fuq livell globali.

Matul l-aħħar għaxar snin, is-setturi tal-films u tal-AV għaddew minn bidliet rapidi minħabba rivoluzzjonijiet teknoloġiċi u diġitali. Bidliet bħal dawn fasslu mill-ġdid kif il-kontenut AV jiġi prodott, distribwit u kkunsmat. Biex jilqgħu dawn l-isfidi ġodda, jeħtieġ li il-professjonisti jiżviluppaw ħiliet diġitali ġodda. Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-kumpaniji jadottaw mudelli ta’ negozju innovattivi u li jiżguraw li l-udjenza tagħhom ikollha aċċess diġitali aħjar għall-kontenut.

X’inhuma l-passi li jmiss?

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja s-settur fil-livelli kollha. Taħt qafas finanzjarju pluriennali ġdid mill-2021 sal-2027 b’baġit miżjud, il-fergħa MEDIA ta’ Ewropa Kreattiva se tkompli tappoġġja lill-industrija biex iżżid il-kollaborazzjoni bejn il-fruntieri, tħaddan l-innovazzjoni, it-teknoloġiji l-ġodda u mudelli ġodda ta’ negozju, u tqiegħed lill-udjenzi fil-qalba tal-politika Ewropea dwar l-AV.