88% taċ-ċittadini Ewropej jaqblu li l-wirt kulturali għandu jiġi mgħallem fl-iskejjel, peress li jgħidilna ħafna dwar l-istorja u l-kultura tagħna. Dan huwa skont stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2017 dwar is-suġġett.
Biex tappoġġja dan, il-Kummissjoni Ewropea tqajjem kuxjenza dwar il-wirt kulturali tal-Ewropa permezz tal-edukazzjoni u timmassimizza l-impatt tal-programm Erasmus+ f’dan il-qasam.
Edukazzjoni dwar il-wirt kulturali
L-idea bażika tal-edukazzjoni dwar il-wirt hija li toffri opportunitajiet għal involviment f’esperjenzi biex wieħed jitgħallem kunċetti u ħiliet ġodda. Bl-esperjenza diretta jew bl-analiżi tal-wirt kulturali, l-istudenti jiksbu għarfien, ħiliet intellettwali u firxa usa’ ta’ kompetenzi dwar kwistjonijiet bħall-manutenzjoni tal-wirt kulturali jew il-benessri tas-soċjetà.
L-appoġġ għall-edukazzjoni dwar il-wirt kulturali kien wieħed mill-objettivi tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali u għadu qed jiġi segwit permezz tal-Qafas Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Wirt Kulturali.
Diversi inizjattivi u riżorsi jiffukaw fuq it-tagħlim dwar il-wirt kulturali fl-iskola:
E-twinning
L-eTwinning hi l-komunità għall-iskejjel fl-Ewropa.
L-għalliema li qed ifittxu introduzzjoni għall-interpretazzjoni tal-wirt kulturali jistgħu jaqraw il-ktieb tal-eTwinning “Nitgħallmu mill-passat, infasslu l-futur tagħna”. Dan jinkludi:
- 20 idea u attività dwar kif jiġi introdott il-wirt kulturali fil-klassijiet
- 24 eżempju ta’ proġetti ta’ ispirazzjoni tal-inizjattiva eTwinning (għall-istudenti bejn 3 snin u 19-il sena)
- eżempji mill-iskejjel tal-inizjattiva eTwinning li huma membri tan-Network tal-Iskejjel Assoċjati tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO).
Skopri aktar dwar l-inizjattiva E-twinning.
Il-pjattaforma School Education Gateway
School Education Gateway hija l-pjattaforma online tal-Ewropa għall-edukazzjoni skolastika. Minn workshops dedikati sal-ixxerjar tal-informazzjoni, din tgħin biex il-wirt kulturali jiġi inkluż f’attivitajiet edukattivi fl-iskejjel fl-Ewropa kollha.
Skopri aktar dwar il-pjattaforma School Education Gateway.
Sett ta’ għodod għall-għalliema
Dan is-sett ta’ għodod ġie żviluppat matul is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali.
Skopri aktar materjal ta’ tagħlim fir-rokna tat-tagħlim.
Proġetti fiċ-ċentru tal-attenzjoni
Dive Into Heritage
Permezz ta’ dan il-proġett, żviluppat taħt is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, il-voluntiera ħadu sehem f’taħriġ, laqgħat, vjaġġi u attivitajiet oħra. Huma tgħallmu jagħrfu r-rikkezza tal-kultura u tgħallmu jieħdu r-responsabbiltà għall-protezzjoni, il-manutenzjoni u t-trasferiment tal-wirt lill-ġenerazzjonijiet futuri. L-Unjoni Ewropea ffinanzjat dan il-proġett taħt il-programm Erasmus+.
Skopri aktar dwar il-proġett Dive Into Heritage.
Nimpenjaw liż-żgħażagħ għal Ewropa Inklużiva u Sostenibbli
Dan il-proġett konġunt bejn l-UE u l-UNESCO jgħin l-iskejjel jimmappjaw il-wirt kulturali intanġibbli li jeżisti fil-komunità skolastika u jintegrawh fil-kurrikuli tat-tagħlim. 10 skejjel implimentaw proġetti pilota, tħat il-gwida ta’ trainer tal-UNESCO. Abbażi tar-riżultati ta’ stħarriġ imwettaq fl-iskejjel u dwar it-tagħlimiet misluta mill-proġetti, dalwaqt se jkun disponibbli materjal li jappoġġja lill-għalliema fl-integrazzjoni tal-wirt kulturali intanġibbli f’attivitajiet kurrikulari u ekstrakurrikulari.
Żur is-sit web tal-proġett u agħti daqqa t’għajn lejn il-videos u materjal ieħor.
INCREAS
Dan il-proġett huwa ffukat fuq iż-żieda fl-opportunitajiet ta’ impjieg u t-trawwim tal-idea ta’ wirt kulturali sostenibbli fl-Ewropa. Il-parteċipanti tal-proġett qed jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi u kreattivi għas-settur tal-wirt kulturali, bħal moduli ta’ ħiliet diġitali, workshops, żjarat ta’ studju, u programm strutturat ta’ skambju bejn il-pari.
Barra minn hekk, huma se jistabbilixxu prototip taċ-Ċentru Komunitarju Ewropew ta’ Kompetenza għall-Assi tal-Wirt Kulturali (EUComp-Centre) fl-Awstrija li jiffoka fuq il-kompetenzi tal-wirt mibni. L-Unjoni Ewropea qed tiffinanzja dan il-proġett taħt il-programm Ewropa Kreattiva.
Skopri aktar dwar il-proġett INCREAS.
CHARTER
Il-proġett “Azzjonijiet ta’ Wirt Kulturali biex Jirfinaw it-Taħriġ, l-Edukazzjoni u r-Rwoli” (CHARTER) għandu l-għan li jidentifika u jnaqqas id-diskrepanzi fil-ħiliet bejn id-dinja edukattiva u dik professjonali, bl-iżvilupp ta’ matriċi li timmappja l-ħiliet u l-kompetenzi fis-settur tal-wirt. Se joħloq ukoll strateġija għall-ħiliet settorjali permezz tal-iżvilupp ta’ pjan direzzjonali għas-settur tal-wirt kulturali.
L-Unjoni Ewropea qed tikkofinanzja dan il-proġett permezz tal-programm Erasmus+, taħt l-Alleanza tal-Ħiliet Settorjali - Pjan ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet.
Skopri aktar dwar il-proġett CHARTER.
Għal aktar eżempji ta’ proġetti, iċċekkja l-pjattaforma tar-riżultati tal-proġetti ta’ Erasmus+