Il-FEŻR huwa parti mill-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE u għandu l-għan li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea billi jikkoreġi l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni tagħha, billi jappoġġja l-irkupru ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà. Dan iwettaq il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, speċjalment it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.
Fi ħdan il-FEŻR, il-programmi Interreg jappoġġjaw il-kooperazzjoni transfruntiera (Interreg A u IPA), transnazzjonali (Interreg B), interreġjonali (Interreg C) u tar-reġjuni ultraperiferiċi (Interreg D).
Il-Fond ta’ Koeżjoni huwa wieħed mill-fondi li permezz tiegħu titwettaq il-politika ta’ koeżjoni tal-UE, maħsuba għall-Istati Membri li l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tagħhom għal kull abitant huwa inqas minn 90% tal-medja tal-UE, u li jappoġġja proġetti fil-qasam tat-TEN-T u l-ambjent.
Peress li l-FEŻR/FK huma ġestiti b’mod predominanti permezz ta’ ġestjoni kondiviża, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u l-pajjiżi sħab huma fdati biex jallokaw il-finanzjament u jistabbilixxu sistema ta’ ġestjoni u kontroll biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-fond abbażi ta’ programmi maqbula (li huma żviluppati u implimentati wkoll f’approċċ ta’ governanza f’diversi livelli, skont il-prinċipju tas-sħubija).
Għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-FEŻR, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni rispettivi jniedu sejħa għal proġetti adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi. Ara s-sit web tal-awtorità ta’ gestjoni tiegħek għal aktar dettalji.
Barra minn hekk, hemm ukoll strument speċifiku tal-FEŻR taħt ġestjoni diretta, l-Investimenti fl-Innovazzjoni Interreġjonali (I3).
Dispożizzjonijiet regolatorji aktar speċifiċi huma stabbiliti fir-Regolamenti dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni u dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea.
• Għal Interreg, l-organizzazzjonijiet iridu jkunu bbażati f’wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE (inklużi ż-żoni insulari u ultraperiferiċi tagħhom) jew f’pajjiż sieħeb.
• Għall-perjodu 2021-2027, il-Fond ta’ Koeżjoni jikkonċerna l-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja.