Il-missjonijiet tal-UE huma sforz koordinat mill-Kummissjoni sabiex tiġbor flimkien ir-riżorsi meħtieġa f’termini ta’ programmi ta’ finanzjament, politiki u regolamenti, kif ukoll ta’ attivitajiet oħrajn. Għandhom ukoll l-għan li jimmobilizzaw u jattivaw l-atturi pubbliċi u privati, bħall-Istati Membri tal-UE, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, il-bdiewa u l-maniġers tal-art, l-imprendituri u l-investituri sabiex joħolqu impatt reali u dejjiemi. |
Bħala parti minn Orizzont Ewropa, il-programm tal-Ekosistemi tal-Innovazzjoni Ewropej (EIE) għandu l-għan li joħloq ekosistemi tal-innovazzjoni aktar konnessi, inklużivi u effiċjenti u jappoġġja l-iskalar tal-kumpaniji, kif stabbilit fl-Aġenda Ewropea l-Ġdida għall-Innovazzjoni. |
L-azzjoni għandha l-għan li tinvolvi liż-żgħażagħ Ewropej billi toħloq spazji online ikkurati li jiġbru kontenut li jipprovoka l-ħsieb dwar il-ġrajjiet kurrenti, tagħtihom is-setgħa li jqabblu perspettivi mill-Ewropa kollha u jiddiskutu u jiskopru kif l-interessi tagħhom jorbtu mal-interessi taż-żgħażagħ Ewropej fi Stati Membri oħra, u ma’ inizjattivi rilevanti tal-UE. |
Il-preżentazzjoni, ir-rappreżentanza u l-viżibbiltà fil-media ta’ gruppi vulnerabbli bħall-migranti u r-refuġjati jibqgħu marġinali fil-media soċjali ġenerali fl-Ewropa u b’kunsiderazzjoni speċjali tas-sitwazzjoni tal-Ukrajna. L-objettiv jibqa’ li jiġu identifikati modi kif tiġi promossa l-media soċjali inklużiva fl-Ewropa, u li dawn il-gruppi jiġu megħjuna joħolqu n-narrattivi tagħhom stess dwar il-post u r-rwol tar-refuġjati u l-migranti fis-soċjetajiet u l-komunitajiet Ewropej. |
L-għan tal-appoġġ Ewropew lill-iżvilupp ta’ portafoll żgħir ta’ films huwa li titrawwem il-kompetittività tal-kumpaniji tal-produzzjoni indipendenti Ewropej f’pajjiżi b’kapaċità awdjoviżiva baxxa (grupp LCC A u grupp LCC B) u li jiżdied il-piż ekonomiku tagħhom fis-suq.
|
Se jingħata appoġġ lill-festivals Ewropej li jipprogrammaw proporzjon sinifikanti ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej mhux nazzjonali, bl-għan li jorganizzaw attivitajiet tul sena sħiħa mmirati biex jespandu u jġeddu l-udjenzi u jimplimentaw attivitajiet innovattivi li jilħqu udjenza akbar kif ukoll inizjattivi għal udjenzi żgħażagħ. |
L-azzjoni ta’ kożvilupp Ewropew għandha tappoġġja l-kooperazzjoni fost il-kumpaniji tal-produzzjoni Ewropej fl-iżvilupp ta’ proġett uniku għall-isfruttament kummerċjali maħsub biex jintwera fiċ-ċinema, ix-xandir televiżiv jew għall-isfruttament kummerċjali fuq pjattaformi diġitali jew ambjent b’diversi pjattaformi fil-kategoriji li ġejjin: animazzjoni, dokumentarju kreattiv jew finzjoni. |
Se jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta’ xogħlijiet u prototipi ta’ rakkontar ta’ stejjer narrattivi interattivi b’kontenut oriġinali u/jew logħob ta’ kwalità maħsub għall-produzzjoni u l-isfruttament kummerċjali globali permezz ta’ PCs, consoles, apparat mobbli, tablets, smartphones u teknoloġiji oħra. |
L-azzjoni Films Attivi (Films on the Move) għandha tinkoraġġixxi u tappoġġja d-distribuzzjoni usa’ ta’ films Ewropej mhux nazzjonali reċenti billi tinkoraġġixxi aġenti tal-bejgħ u distributuri teatrali b’mod partikolari biex jinvestu fil-promozzjoni u d-distribuzzjoni adegwata ta’ films Ewropej mhux nazzjonali.
|
L-appoġġ lill-Bejgħ tal-Films Ewropej għandu jinkoraġġixxi u jappoġġja d-distribuzzjoni transnazzjonali usa’ ta’ films Ewropej reċenti billi jipprovdi fondi lill-aġenti tal-bejgħ Ewropej, abbażi tal-prestazzjoni tagħhom fis-suq, għal aktar investiment mill-ġdid fl-akkwist, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni (inkluż online) ta’ films Ewropej mhux nazzjonali reċenti. |