L-għan tal-appoġġ Ewropew lill-iżvilupp ta’ portafoll ta’ films huwa li titrawwem il-kompetittività tal-kumpaniji tal-produzzjoni indipendenti u li jiżdied il-piż ekonomiku tagħhom fis-suq. L-għan huwa wkoll li tiżdied il-kapaċità tal-produtturi awdjoviżivi biex jiżviluppaw proġetti b’potenzjal li jiċċirkolaw fl-Ewropa kollha u lil hinn minnha, u biex tiġi ffaċilitata l-koproduzzjoni Ewropea u internazzjonali.
L-iżvilupp ta’ portafoll ta’ films Ewropej għandu jappoġġja l-iżvilupp ta’ mhux inqas minn 3 u mhux aktar minn 5 xogħlijiet għall-isfruttament kummerċjali maħsuba biex jintwerew fiċ-ċinema, ix-xandir televiżiv jew għall-isfruttament kummerċjali fuq pjattaformi diġitali jew ambjent b’diversi pjattaformi fil-kategoriji li ġejjin: animazzjoni, dokumentarju kreattiv jew finzjoni.
L-applikanti jistgħu jżidu film qasir minn talent emerġenti mal-portafoll ta’ films tagħhom (fakultattiv).
L-applikazzjonijiet għandhom jippreżentaw strateġiji adegwati biex tiġi żgurata industrija aktar sostenibbli u li tirrispetta aktar l-ambjent u biex jiġu żgurati l-bilanċ bejn il-ġeneri, l-inklużjoni, id-diversità u r-rappreżentattività.