Skip to main content

Culture and Creativity

Sostenibbiltà fil-wirt kulturali

wirt kulturali u sostenibbiltà

It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma fost l-akbar sfidi ta’ żminijietna, u jheddu l-Ewropa u d-dinja. L-Unjoni Ewropea (UE) qed tieħu azzjoni u tmexxi t-triq, filwaqt li tistinka biex issir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima. Dan japplika wkoll għall-wirt kulturali.

Is-sostenibbiltà hija waħda mill-ħames pilastri tal-Qafas Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Wirt Kulturali, li jenfasizza l-potenzjal tiegħu li jsaħħaħ il-kapital soċjali, jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u jiżgura s-sostenibbiltà ambjentali. Il-kultura u l-wirt kulturali jistgħu jgħinu biex jinkiseb żvilupp inklużiv u sostenibbli.

Tliet raggruppamenti ta’ azzjonijiet huma inklużi fil-Qafas biex:

  1. jiġu riġenerati il-bliet u r-reġjuni permezz tal-wirt kulturali
  2. jiġi promoss l-użu mill-ġdid adattiv tal-bini ta’ wirt storiku
  3. jiġi bbilanċat l-aċċess għall-wirt kulturali mat-turiżmu kulturali sostenibbli u mal-wirt naturali

Sostenibbiltà fil-bini

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea biex l-ekonomija tal-UE ssir sostenibbli. Il-bini huwa element kruċjali ta’ din l-inizjattiva minħabba li jammonta għal 40% tal-konsum kollu tal-enerġija u 36% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE.

It-titjib tal-effiċjenza enerġetika fil-bini għandu rwol ewlieni fil-kisba tal-għan ambizzjuż tan-newtralità tal-karbonju sal-2050 stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-għan tal-mewġa ta’ rinnovazzjoni huwa li jiżdiedu r-rata u l-kwalità tax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti sabiex jarmu inqas diossidu tal-karbonju.

L-Orizzont 2020, il-programm ta’ Riċerka u Innovazzjoni tal-Kummissjoni għall-2014-2020, qed jiffinanzja proġetti li jindirizzaw aspetti differenti tal-effiċjenza enerġetika fil-bini, inklużi dawk storiċi u kulturali.

Pereżempju, is-sħab tal-PRO-Heritage, għandhom l-għan li joffru edukazzjoni inizjali u permanenti lill-professjonisti u lill-artiġjani li jipprovdu kompetenzi u ħiliet tradizzjonali għall-wirt mibni, abbażi tal-aħjar prattiki tal-organizzazzjonijiet sħab.

Tibdil fil-klima: theddida għall-wirt kulturali tagħna

Il-ħsara katastrofika reċenti lis-siti ta’ wirt kulturali poġġiet enfasi akbar fuq il-ħtieġa li s-siti jiġu ssalvagwardjati minn perikli naturali u minn oħrajn mhux naturali.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tiġbor esperti mill-Istati Membri tal-UE biex jidentifikaw u jiskambjaw prattiki tajbin u miżuri innovattivi għall-protezzjoni tal-wirt kulturali fir-rigward tat-tibdil fil-klima. Din hija parti mill-ħidma taħt il-Pjan ta’ Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2019-2022, li jsegwi l-approċċ tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni.

Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni huwa proċess ta’ tfassil tal-politika li ma jirriżultax f’miżuri leġiżlattivi vinkolanti. Il-gruppi tal-MMK magħmula minn esperti maħtura mill-ministeri tal-kultura u l-istituzzjonijiet kulturali nazzjonali jiltaqgħu biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u biex jipproduċu manwali tal-politika u settijiet tal-għodod.

Orizzont 2020

Il-programm tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Orizzont 2020, jiffinanzja proġetti li jaħdmu fuq “żieda fir-reżiljenza u r-rikostruzzjoni sostenibbli ta’ żoni storiċi biex ilaħħqu mat-tibdil fil-klima u l-avvenimenti ta’ periklu”.

Skopri aktar dwar il-Wirt f’Riskju: Ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE għal wirt kulturali aktar reżiljenti.

Tmexxija Klimatika Kreattiva

Dan il-proġett, iffinanzjat taħt il-programm Ewropa Kreattiva, jgħin lill-artisti u lill-professjonisti kulturali jesploraw id-dimensjonijiet kulturali tat-tibdil fil-klima. Il-Komunitajiet artistiċi u kulturali għandhom rwol uniku u kritiku: dawn jinfluwenzaw modi ġodda ta’ kif wieħed ikun, jagħmel u jaħseb. It-Tmexxija Klimatika Kreattiva tappoġġja lill-professjonisti kulturali biex japplikaw dawn il-kwalitajiet għal problemi relatati mal-isfida tal-klima.

Skopri aktar dwar it-Tmexxija Klimatika Kreattiva .

Proġett HERACLES

Dan il-proġett għandu l-għan li jfassal, jivvalida u jippromwovi soluzzjonijiet reattivi għar-reżiljenza effettiva tal-wirt kulturali kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima permezz ta’ approċċ olistiku u multidixxiplinari.

Skopri aktar dwar HERACLES.

Proġett Shelter

Il-proġett Shelter jiġbor flimkien il-komunità xjentifika u l-managers tal-wirt kulturali biex tiżdied ir-reżiljenza, titnaqqas il-vulnerabbiltà u tiġi promossa rikostruzzjoni aħjar u aktar sikura f’żoni storiċi milquta minn perikli relatati mal-klima.

Skopri aktar dwar Shelter.