Skip to main content

Culture and Creativity

Mużika

Skopri għaliex is-settur tal-mużika fl-Ewropa jeħtieġ l-appoġġ u kif l-Unjoni Ewropea tgħin.

Il-mużika hija essenzjali għad-diversità kulturali tal-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea tqis is-settur tal-mużika bħala vitali għas-salvagwardja tad-diversità kulturali u għat-tisħiħ tal-kompetittività tagħha. Il-mużika hija l-lingwa universali tal-umanità u għandha setgħa unika, kreattiva u koeżiva kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-individwu. Għandha wkoll importanza ekonomika kbira. Is-settur tal-mużika huwa t-tielet l-akbar impjegatur fl-industriji kulturali u kreattivi fl-UE. Is-settur Ewropew tal-mużika, li hu bbażat fuq negozji żgħar u medji, huwa dinamiku u innovattiv ħafna u għandu potenzjal ta’ tkabbir importanti.

Għaliex huwa meħtieġ dan l-appoġġ?

F’xenarju ta’ bidla diġitali u żieda fil-kompetizzjoni minn atturi globali, is-settur tal-mużika jinsab fi trasformazzjoni kostanti. Matul l-aħħar għaxar snin, dan wassal għal bidliet fundamentali fil-mod kif il-mużika tinħoloq, tiġi prodotta, distribwita u monetizzata. Din is-sitwazzjoni ħolqot opportunitajiet kif ukoll sfidi fil-livelli kollha tal-katina tal-valur tal-mużika, pereżempju t-tqassim tad-dħul u r-remunerazzjoni ġusta tal-artisti f’dan l-ambjent diġitali ġdid jew il-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar ħiliet diġitali u kummerċjali għall-artisti.

Hemm bżonn ta’ appoġġ biex is-settur u l-fergħat tiegħu jiġu megħjuna jsiru aktar kompetittivi fis-suq globali u biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-offerta mużikali rikka tal-Ewropa u għall-bosta talenti emerġenti tagħha biex jaqsmu l-fruntieri. Ir-rwol ta’ benefiċċju tal-mużika f’termini soċjetali u ekonomiċi għadu mhux sfruttat bis-sħiħ fit-tfassil tal-politika Ewropea u nazzjonali. Dan huwa wkoll minħabba n-nuqqas ta’ data affidabbli u komparabbli dwar is-settur, il-funzjonijiet tiegħu u l-prestazzjoni tiegħu.

Fil-bidu tal-2020, il-kriżi tal-coronavirus laqtet is-settur b’mod partikolarment iebes u wasslet għal sfidi importanti ġodda għas-sostenibbiltà tal-ekosistema kollha tal-mużika. Hija wasslet ukoll biex l-isfidi strutturali sottostanti ġew fuq quddiem nett. L-irkupru ta’ ekosistemi bħall-mużika fl-aħħar mill-aħħar se jgħin l-irkupru tal-UE kollha kemm hi.

Il-Mużika Ċċaqlaq l-Ewropa - l-objettivi ewlenin

Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja s-settur fi ħdan approċċ integrat imsejjaħ “Il-Mużika Ċċaqlaq l-Ewropa”.

Il-Mużika Ċċaqlaq l-Ewropa (MME) għandha l-għan li tippromwovi ekosistema mużikali Ewropea sostenibbli u tappoġġja l-assi ewlenin tas-settur: id-diversità, il-kompetittività u l-innovazzjoni. Strateġikament, l-inizjattiva hija allinjata mal-kisba tal-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-UE, u se tikkontribwixxi għalihom.

L-għanijiet speċifiċi huma

  • il-promozzjoni tal-kreattività u l-innovazzjoni
  • is-salvagwardja u l-espansjoni tad-diversità tal-mużika Ewropea
  • l-għajnuna biex is-settur jadatta għad-diġitalizzazzjoni u jibbenefika minnha
  • l-appoġġ għas-settur biex isir aktar sostenibbli