Networks Ewropej ta’ organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi
In-networks jipprovdu mekkaniżmi kkoordinati għad-djalogu ta’ politika, għall-iskambju tal-għarfien u għall-involviment transfruntier.
Il-Kummissjoni Ewropea tikkonsulta ma’ dawn in-networks dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika kulturali tal-UE, filwaqt li tirrikonoxxi r-rwol tagħhom bħala strumenti ewlenin fil-kisba tal-objettivi tal-programm Ewropa Kreattiva (2021–2027).
Skop
L-azzjoni tan-networks Ewropej għandha l-għan li ttejjeb il-kapaċità tas-setturi kulturali u kreattivi li jrawmu d-diversità kulturali u l-kompetittività tagħhom, filwaqt li ttejjeb is-sostenibbiltà u l-inklużività.
L-azzjoni tappoġġa l-iżvilupp tat-talenti, l-innovazzjoni u t-tkabbir organizzazzjonali, peress li dawn huma magni tar-reżiljenza, tal-koeżjoni soċjali u tal-valuri demokratiċi. Dawn in-networks, iggwidati minn appoġġ strutturat u skop kondiviż, jikkontribwixxu b’mod attiv għall-futur kulturali, soċjali u ekonomiku tal-Ewropa.
Temi u prijoritajiet
In-networks appoġġati huma ggwidati mill-valuri Ewropej tal-libertà artistika, tad-diversità, tal-ekwità, tal-inklużjoni, tas-solidarjetà u tas-sostenibbiltà.
Dawn jiffokaw fuq:
- l-apprendiment u l-iżvilupp tal-ħiliet biex tiġi żgurata r-rilevanza għas-setturi li qed jevolvu
- il-libertà tal-espressjoni artistika, il-mobbiltà u l-kollaborazzjoni transfruntiera
- l-involviment taż-żgħażagħ u r-reżiljenza settorjali
- id-diversità, l-ugwaljanza u l-inklużjoni b’attenzjoni għall-bilanċ bejn il-ġeneri u l-gruppi sottorappreżentati
- l-innovazzjoni u l-kompetittività
- kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi u l-iżvilupp professjonali għall-artisti u l-professjonisti kulturali
- il-kooperazzjoni, id-djalogu u r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali
- id-demokrazija u s-solidarjetà permezz tal-kultura, inkluż l-appoġġ għall-Ukrajna
- is-sostenibbiltà u l-azzjoni klimatika
Selezzjoni tal-2021
Bejn l-2021 u l-2023, 37 network pan-Ewropew irċevew kofinanzjament biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet u lill-professjonisti fil-qasam kulturali li jikkontribwixxu għad-diversità u l-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej. Dawn l-istrutturi bbażati fuq il-membri jinkludu aktar minn 4,000 organizzazzjoni u aktar minn 1,000 membru individwali, fosthom entitajiet nazzjonali u reġjonali, artisti, u professjonisti kulturali.
Bħala konnetturi bejn l-organizzazzjonijiet transfruntiera, dawn in-networks, li huma magħmula minn koordinaturi minn 11-il pajjiż, irawmu l-iżvilupp u s-suċċess ta’ ħafna proġetti ffinanzjati mill-programm Ewropa Kreattiva u jappoġġaw lil dawk il-pjattaformi li jkunu għadhom kif ġew stabbiliti kif ukoll lill-artisti emerġenti.
Esplora s-37 network billi tagħżel is-sena 2021.
Selezzjoni tal-2024
B’baġit ta’ madwar €40 miljun, l-azzjoni appoġġat 39 proġett li kollettivament jinvolvu aktar minn 5,000 organizzazzjoni artistika, kulturali u kreattiva fl-Ewropa u lil hinn minnha.
In-networks huma mibnija fuq mudell ta’ sħubija, ivarjaw minn alleanzi żgħar ta’ 14-il organizzazzjoni għal strutturi fuq skala kbira b’aktar minn 400 membru, u kollettivament ikopru 125 pajjiż.
Esplora d-39 network billi tagħżel is-sena 2024.
Last updated: