Fl-1899 f'dan is-sit instab l-akbar numru ta’ għadam fossili tan-Neandertal fl-Ewropa, madwar disa’ mitt fdal uman ta' xi tmenin individwu, kif ukoll għadam ta’ annimali varji li jmur lura għal 125,000 qK. Esperti mid-dinja kollha wettqu riċerka dwar din il-ġabra, u l-interpretazzjoni tagħhom tas-sejbiet ta' Krapina influwenzat teoriji xjentifiċi differenti dwar l-iżvilupp tal-bniedem, l-oriġini taċ-ċivilizzazzjoni tagħna u dwar kif il-komunitajiet fl-Ewropa kienu jgħixu matul il-perjodu Plejstoċenu.
Ħdejn is-sit arkeoloġiku, illum jinsab il-Mużew tan-Neandertal ta' Krapina li jippreżenta b’mod interattiv l-oriġini tal-ħajja fuq il-pjaneta Dinja u l-evoluzzjoni tal-umanità.