Skip to main content

Culture and Creativity

Bordeaux: ħajja ġdida għal 530 akkomodazzjoni

Lejn akkomodazzjoni spazjuża, komda u effiċjenti fl-użu tal-enerġija f’Bordeaux.

Pajjiż:
Type of project :
Size of city/region:
Woman standing in front of a balcony window in Bordeaux, France.

Fatti ewlenin

Studios tal-arkitettura: l-arkitetti Lacaton & Vassal, Frédéric Druot Architecture u Christophe Hutin Architecture

Sponsor prinċipali: il-metropoli ta’ Bordeaux

Sena ta’ tlestija: 2017

Materjali: konkrit, ħġieġ, polikarbonat

Erja totali: 23,745 m²

Premjijiet:

  • rebbieħ tal-Living spaces – Simon Architecture Prize 2016
  • rebbieħ tal-Premju għall-Arkitettura Kontemporanja “Mies van der Rohe Award” 2019 tal-Unjoni Ewropea

Belt / sfond reġjonali

Il-Grand Parc, li jinsab 800 metru ’l bogħod miċ-ċentru storiku tal-belt, hu kumpless ta’ 4,000 unità ta’ akkomodazzjoni (22 torrijiet u estenzjonijiet ħerġin ’il barra) bit-tikketta “Arkitettura kontemporanja straordinarja”.

Ir-riflessjoni dwar il-futur tad-distrett tal-Grand Parc bdiet fl-2011. Dan il-proċess kien jinkludi konsultazzjoni pubblika, studju preparatorju u pjan ta’ azzjoni koordinat bejn il-belt, il-metropoli, id-donaturi (Aquitanis, InCité, CDC Habitat), u l-Poliklinika Bordeaux Nord Aquitaine.

Ir-riżultat kien proġett globali għar-riabilitazzjoni ta’ 3,500 unità ta’ akkomodazzjoni, it-twaqqigħ ta’ 56 unità u l-bini ta’ 1,000 unità oħra, il-kostruzzjoni u r-riabilitazzjoni ta’ faċilitajiet pubbliċi (nursery, ġinnasji, swali tal-komunità), u r-ristrutturar u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-ispazji pubbliċi. Dawn l-isforzi jirrestawraw il-kapaċità ta’ dan id-distrett tal-klassi tal-ħaddiema li jattira abitanti ġodda billi jiżvela l-kwalitajiet tiegħu.

It-3 blokok ta’ 530 abitazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali “Gounod, Haendel u Ingres - G, H,I” inbnew bejn l-1954 u l-1975. Kellhom bżonn ta’ rinnovazzjoni wara li t-twaqqigħ tagħhom kien ġie eskluż. Aquitanis, l-operatur metropolitan tal-akkomodazzjoni soċjali, bl-appoġġ tal-belt ta’ Bordeaux u tal-Metropoli ta’ Bordeaux, iddeċidiet li tittrasformahom u tagħmilhom aktar sostenibbli u fl-istess waqt ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-abitanti bi spiża limitata.

Soluzzjoni

L-ewwel pass kien li tiġi estiża l-istruttura eżistenti. Il-ġonna u l-gallariji tax-xitwa ġew imlaqqma mal-bini u joffru lir-residenti dawl u spazju addizzjonali ta’ 30 m², aċċessibbli permezz ta’ bibien kbar li jiżżerżqu bil-ħġieġ li jgħaqqdu kull kamra mal-ġnien tax-xitwa. Dawn il-bidliet offrew spazju privat pjaċevoli kważi fuq barra filwaqt li tejbu r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

Wara l-ħġieġ il-ġdid mill-art għas-saqaf, il-purtieri termali jipprovdu iżolament addizzjonali. Min-naħa l-oħra, faċċata ħafifa ta’ pannelli tal-polikarbonat trasparenti u mmewwġin u tal-ħġieġ f’oqfsa tal-aluminju ġew immuntati u mgħammrin b’purtieri solari riflettivi. Ġewwa l-appartamenti, il-kmamar tal-banju u l-installazzjoni elettrika ġew aġġornati. Barra, inbnew liftijiet ġodda, inħolqu swali ta’ aċċess, u l-ġonna tjiebu.

L-ippjanar u l-iskedar xierqa, u l-użu ta’ moduli prefabbrikati ippermettew li kull appartament jiġi rinnovat f’perjodu ta’ 12–16-il jum, u b'hekk l-abitanti setgħu jibqgħu fl-abitazzjoni tagħhom matul ix-xogħol.

Kriterji għal kwalità għolja (kuntest, sens ta’ post, diversità, sbuħija)

  • It-trasformazzjoni tal-abitazzjonijiet tottimizza d-dimensjonijiet, id-dawl, il-veduti u l-kumdità tal-appartamenti, mingħajr il-modifika tal-organizzazzjoni strutturali eżistenti, f’konformità mal-istatus tal-Patrimonju Dinji “Bordeaux, Port il-Qamar”.
  • Il-preservazzjoni tal-bini eżistenti mingħajr ma jsir xogħol intesiv ifisser li l-proġett seta’ jikkonċentra l-baġit fuq l-estensjonijiet, peress li dawn kienu kruċjali għat-titjib tal-kwalità tal-abitazzjonijiet b’mod sinifikanti u sostenibbli.
  • Aktar minn 1,000 persuna pparteċipaw fil-konsultazzjoni biex jgħinu jispeċifikaw l-aspettattivi tar-residenti u tal-utenti. Aquitanis inħatret medjatur biex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-kerrejja u t-tim tal-proġett.
  • Ir-rinnovazzjoni innovattiva tejbet b’mod radikali l-ispazju u l-kwalità tal-ħajja tal-okkupanti mingħajr m’għamlet ebda kompromess.
  • Ir-riġenerazzjoni kellha l-għan li tbiddel l-immaġni tal-viċinat u żżomm il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli filwaqt li tiddiversifika l-profil tal-abitanti tagħha.

Governanza u mmaniġġar

Il-promozzjoni tal-kwalità arkitettorali, urbana, tal-pajsaġġ u tal-patrimonju hi prijorità għall-metropoli ta’ Bordeaux u l-belt. Dan hu minqux fil-pjan ta’ azzjoni komplementari tal-pjan ta’ mmaniġġar għal Bordeaux, Port-il Qamar, elenkat bħala Patrimonju Dinji mill-2007.

Il-pjan ta’ Riġenerazzjoni tal-Grand Parc inbeda minn Bordeaux Métropole u l-Belt ta’ Bordeaux u ġie appoġġjat minn Aquitanis.

Il-belt waqqfet tim tal-proġett assistit minn disinjatur tal-pajsaġġ u arkitett li jimmonitorja d-diversi operazzjonijiet imwettqin fid-distrett. Dan it-tim jiżgura li l-proġetti jkunu konformi mal-objettivi definiti b’mod kollettiv għar-rikwalifikazzjoni tal-Grand Parc u li jirrispettaw il-karatteristiċi urbani u tal-patrimonju tiegħu.

Madwar 30 persuna ħadmu fuq l-implimentazzjoni tal-proġett fl-amministrazzjoni lokali: id-dipartimenti tal-iżvilupp urban u l-ippjanar urban u l-akkomodazzjoni, il-Kumitat Lokali tal-UNESCO ta’ Bordeaux, arkitett ta’ konsulenza, u t-tim tal-proġett.

Baġit u finanzjament

€35 miljun għar-rinnovazzjoni tal-unitajiet ta’ akkomodazzjoni eżistenti

  • Aquitanis ipprovdiet 77.9% tal-baġit (€27.65 miljun)
  • il-metropoli ta’ Bordeaux 17.7% (€6.2 miljun)
  • ir-Reġjun ta’ Nouvelle Aquitaine 2.3% (€795,000)
  • il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2.1% (€737,000).

€1.6 miljun għal unitajiet ta’ akkomodazzjoni ġodda

  • Aquitanis ipprovdiet 94.5% tal-baġit (€1.525 miljun)
  • il-metropoli ta’ Bordeaux 4.8% (€76,800)
  • Action Logement (grupp iffurmat mill-Gvern Franċiż ma’ organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali biex jappoġġja l-aċċess għall-akkomodazzjoni) 0.7% (€12,000).

Ideat trasferibbli

It-trasformazzjoni tal-GHI tirrifletti prattika inventiva ta’ konservazzjoni u turi kif il-ħolqien arkitettorali jista’ jestendi l-istorja ta’ bini jew grupp urban filwaqt li jittrasformah b’mod sinifikanti. Dan juri wkoll li bil-ftuħ u l-kreattività, il-patrimonju arkitettorali tas-seklu 20 jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet tal-lum, filwaqt li jevita demolizzjonijiet għaljin u li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

Pariri mill-belt/reġjun

  • Fil-kuntest tal-kriżi klimatika u l-iskarsezza tar-riżorsi, id-demolizzjoni ma tistax tibqa’ titqies bħala għażla.
  • Qabel ma tidħlu għal proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ din l-iskala, ikkunsidraw il-benefiċċji tiegħu fil-livelli urbani u soċjali. Proġett bħal dan iġib miegħu spiża iżda wkoll valur soċjali, ambjentali u patrimonjali għoli.
  • Il-konsultazzjoni pubblika hi indispensabbli fi proġett immirat lejn bini ta’ patrimonju. Is-sens lokali tal-post u l-istorja komuni se jinfurmaw il-proġett tagħkom.