Skip to main content

Culture and Creativity

Turiżmu kulturali sostenibbli

Il-kultura hija kemm mutur kif ukoll faċilitatur tal-iżvilupp sostenibbli.
wirt kulturali u turiżmu sostenibbli

Il-wirt kulturali tal-Ewropa huwa riżorsa prezzjuża fl-oqsma tat-turiżmu, l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli. It-turiżmu kulturali sostenibbli huwa parti vitali mill-istrateġiji ta’ żvilupp makroreġjonali. F’dan ir-rigward, il-kultura hija kemm mutur kif ukoll faċilitatur tal-iżvilupp sostenibbli.

Turiżmu: il-bilanċ bejn l-iżvilupp u l-protezzjoni tal-wirt kulturali

It-turiżmu huwa mod eċċellenti biex jitħeġġeġ u jingħata aċċess għall-wirt kulturali, iżda jġib miegħu wkoll sfidi relatati mal-iffullar, l-approprjazzjoni kulturali u t-telf tal-awtentiċità. It-turiżmu jġib miegħu flus u impjiegi fl-ibliet u r-reġjuni, iżda jista’ wkoll jagħmel ħsara lill-ħajja ta’ kuljum tar-residenti, kif ukoll lill-kultura u l-wirt taż-żona.

Minħabba l-effetti negattivi possibbli tat-turiżmu żejjed u l-impatt tiegħu fuq il-wirt kulturali, xi komunitajiet lokali u esperti tal-wirt xi drabi opponew it-turiżmu u l-iżvilupp assoċjat miegħu.

It-turiżmu kulturali sostenibbli joffri perspettiva ġdida, u jqiegħed il-wirt kulturali u l-komunitajiet lokali fiċ-ċentru tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

L-involviment tal-komunitajiet lokali u partijiet ikkonċernati oħrajn fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa kruċjali biex jiġi żgurat li r-riżultati jkunu ta’ benefiċċju kemm għall-wirt kulturali kif ukoll għall-popolazzjoni lokali. L-objettiv tat-turiżmu kulturali sostenibbli huwa li jiġu żgurati prattiki tajba ta’ konservazzjoni flimkien ma’ interpretazzjoni awtentika li tappoġġja l-ekonomija lokali.

Skopri aktar dwar x’qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea biex tħeġġeġ it-turiżmu kulturali sostenibbli.

Grupp ta’ ħidma fil-qafas tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għal turiżmu kulturali sostenibbli

Il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura adottat mill-Istati Membri tal-UE għall-perjodu 2015-2018 kien jinkludi grupp ta’ ħidma magħmul minn esperti Ewropej dwar it-turiżmu kulturali sostenibbli taħt l-approċċ tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni .

Ir-rapport li rriżulta jinkludi l-ewwel definizzjoni tat-turiżmu kulturali sostenibbli, kif ukoll rakkomandazzjonijiet u linji gwida għal dawk li jfasslu l-politika u 27 studju ta’ każijiet li juru l-aħjar prattiki kemm fil-wirt kulturali tanġibbli kif ukoll f’dak intanġibbli.

Aqra r-rapport dwar it-turiżmu kulturali sostenibbli.

Proġetti magħżula

Proġett SPOT

Iffinanzjat taħt il-programm Orizzont 2020, dan il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa approċċ ġdid għall-fehim u l-indirizzar tat-turiżmu kulturali u li jippromwovi l-iżvilupp ta’ żoni żvantaġġati.

Skopri aktar dwar il-proġett SPOT.

SmartCulTour

Iffinanzjat taħt Orizzont 2020, dan il-proġett jappoġġja l-iżvilupp f’reġjuni Ewropej b’assi kulturali importanti, kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli, permezz ta’ turiżmu kulturali sostenibbli.

Skopri aktar dwar SmartCulTour.

IMPACTOUR

Iffinanzjat taħt Orizzont 2020, il-proġett jgħaqqad il-partijiet ikkonċernati tat-turiżmu kulturali u r-riċerkaturi li għandhom approċċi u metodi ġodda biex jappoġġjaw it-turiżmu kulturali Ewropew. L-għan tal-proġett huwa li jsaħħaħ is-sens ta’ appartenenza u li jagħti valur lill-kulturi minoritarji.

Skopri aktar dwar il-proġett IMPACTOUR.

Id-Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza (EDEN)

L-inizjattiva EDEN tippromwovi mudelli ta’ turiżmu sostenibbli fl-UE kollha. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-pajjiżi sħab jagħżlu u jippromwovu “destinazzjonijiet ta’ eċċellenza”.

L-EDEN tiġbed l-attenzjoni lejn destinazzjonijiet Ewropej emerġenti, billi toħroġ fid-dieher il-valuri u l-karattru tagħhom. Taħdem ukoll bħala pjattaforma għall-ixxerjar tal-aħjar prattiki bejn id-destinazzjonijiet ippremjati. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Korpi Nazzjonali tat-Turiżmu jagħżlu tema kull sena. It-turiżmu kulturali kien it-tema tal-EDEN fl-2017.

Skopri d-destinazzjonijiet rebbieħa fis-sit web tal-EDEN.