Skip to main content

Culture and Creativity

It-Three Brothers (il-Latvja)

It-“Three Brothers” hu kumpless ta’ 3 idjar f’Riga mibnijin bejn is-seklu 15 u s-seklu 17. Fost dawn it-3 hemm l-eqdem dar tal-ġebel magħrufa li għadha teżisti f’Riga, u bini li l-faċċata tiegħu hi bbażata fuq tpinġijiet ta’ Hans Vredeman de Vries. Il-binjiet huma karatteristiċi tad-djar residenzjali li nsibu fi bliet Anseatiċi fir-Reġjun Baltiku. Matul is-sekli għaddew minn xi bidliet: l-aktar intervent reċenti seħħ fis-snin 50 taħt il-perit Peteris Saulīis. F’din il-kampanja ta’ restawr, ġew integrati fil-kumpless ta’ binjiet partijiet minn binjiet meqrudin u mitlufin oħrajn.

Matul l-okkupazzjoni Sovjetika tal-Latvja, il-kumpless kien wieħed mill-ewwel siti li ġew irrestawrati, abbażi tal-filosofija u l-prattika ta’ preservazzjoni li joriġinaw mir-Repubblika Latvjana fil-perjodu ta’ bejn il-gwerer. Din il-filosofija, li għandha l-għan li żżomm il-materjal storiku kollu possibbli, irrispettivament mil-livell ta’ tkagħbir bl-użu, kienet ukoll ta’ ispirazzjoni għal proġetti ta’ restawr oħrajn, minkejja t-theddid u l-pressjoni mill-okkupanti Sovjetiċi. Ir-rwol ċentrali tas-sit fil-preservazzjoni tal-patrimonju fil-Latvja jkompli hekk kif dan jospita l-Bord tal-Patrimonju Nazzjonali u l-Mużew tal-Arkitettura tal-Latvja.

Il-preservazzjoni tal-patrimonju u l-kunċetti li kienu ta’ ispirazzjoni għall-prattika tagħha kienu strumentali fil-bini ta’ reżistenza għall-qerda tal-kultura Latvjana matul l-okkupazzjoni Sovjetika, u għas-sostenn tar-rabta mal-Ewropa u tal-valur tal-libertà matul dan il-perjodu. It-“Three Brothers” kien fiċ-ċentru ta’ dan il-moviment.
Wara l-indipendenza fl-1991, ingħatat prijorità kbira lill-politika dwar il-patrimonju, li kienet ibbażata fuq il-prinċipji ta’ preservazzjoni tal-patrimonju kulturali żviluppati fl-Ewropa. Din it-tendenza għadha għaddejja sal-ġurnata tal-lum, bl-integrazzjoni tad-dimensjoni l-ġdida tal-politiki dwar il-patrimonju f’viżjoni fit-tul ibbażata fuq l-eżempju tal-protezzjoni tal-parti storika ta’ Riga mill-impatti negattivi tal-isfruttament żejjed tal-iżvilupp ekonomiku. B’riżultat ta’ dan, it-“Three Brothers” saru simbolu tas-sistemi ta’ protezzjoni tal-wirt kulturali u tas-setgħat ta’ persważjoni tagħhom fl-Ewropa.