Il-kultura hija apprezzata ħafna kemm mir-residenti kif ukoll mill-viżitaturi fir-reġjuni u l-ibliet kollha tal-Ewropa. Il-wirt kulturali huwa element ewlieni tal-immaġni u l-identità tagħhom. It-turiżmu kulturali jirrappreżenta 40% tal-attivitajiet turistiċi fl-Ewropa.
Il-wirt kulturali għandu rwol kruċjali fil-kisba ta’ żvilupp inklużiv u sostenibbli u jista’ jgħin biex jagħti ħajja ġdida lill-ibliet u r-reġjuni. L-Unjoni Ewropea (UE) tikkoopera mal-ibliet u r-reġjuni biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-kultura, tqajjem kuxjenza dwar il-potenzjal tal-kultura u l-wirt kulturali u tifformula strateġiji integrati permezz ta’ diversi strumenti.
Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-wirt kulturali
Dan il-fond jipprovdi appoġġ għall-wirt kulturali permezz ta’ azzjonijiet li jiffinanzjaw il-protezzjoni, l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-assi kulturali fil-livell lokali.
Eżempji ta’ azzjonijiet mill-2007-2013 u l-2014-2020 jinkludu, fost l-oħrajn:
- proġett kbir għall-preservazzjoni tas-sit arkeoloġiku ta’ Pompeii
- mużew tal-ogħla livell f’Lascaux, Franza
- ir-rinnovazzjoni tal-villaġġ tal-barriera ta’ Nant Gwrtheyrn fil-Majjistral ta’ Wales, ippremjat bit-titlu ta’ Regiostar għall-eċċellenza fl-2018.
Sib eżempji ta’ proġetti ta’ wirt kulturali fis-sit web tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, inklużi l-Premjijiet REGIOSTARS.
Aġenda Urbana għall-UE
Fl-2018 l-Istati Membri tal-UE bdew sħubija ġdida dwar is-suġġett tal-kultura u l-wirt kulturali. Dan il-metodu ta’ ħidma f’diversi livelli jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-ibliet, l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u partijiet ikkonċernati oħra fil-qafas tal-Aġenda Urbana għall-UE.
L-Aġenda Urbana għall-UE għandha l-għan li ttejjeb it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE fit-3 aspetti tagħha
- regolamentazzjoni aħjar
- finanzjament aħjar
- għarfien aħjar
Kull sħubija tul il-perjodu tagħha tipproponi pjanijiet ta’ azzjoni volontarji b’inizjattivi konkreti li għandhom jiġu stabbiliti mill-membri tas-sħubija. Il-pjanijiet ta’ azzjoni huma l-mekkaniżmu ewlieni tal-implimentazzjoni fi ħdan l-Aġenda Urbana tal-UE.
Il-Wirt Kulturali fl-Azzjoni
Il-Wirt Kulturali fl-Azzjoni huwa programm ta’ tagħlim bejn il-pari għal dawk li jfasslu l-politika lokali u reġjonali biex jiskambjaw l-għarfien dwar il-wirt kulturali. L-azzjoni, iffinanzjata mill-programm Ewropa Kreattiva, bdiet f’Jannar 2020.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura (DĠ EAC) qed jissorvelja din l-azzjoni stabbilita minn konsorzju ta’ sħab immexxi mill-EUROCITIES f’kooperazzjoni ma’ Europa Nostra, in-Network Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni (ERRIN), KEA European Affairs u l-Kunsill tal-Ewropa tal-Periti (ACE).
Dan il-proġett se jipprovdi katalogu ta’ 30 prattika tajba mill-ibliet, ir-reġjuni, żoni mhux urbani u rurali fl-Unjoni Ewropea kollha. Bħala parti mill-azzjoni, se jiġu organizzati 12-il żjara ta’ tagħlim bejn il-pari fil-postijiet magħżulin, li jgħaqqdu flimkien aktar minn 20 parteċipant għal kull żjara.
Il-Wirt Kulturali fl-Azzjoni se jgħin aktar minn 100 persuna li jfasslu l-politika lokali u reġjonali biex jiskambjaw l-għarfien dwar il-wirt kulturali, filwaqt li jiffukaw fuq it-temi li ġejjin:
- il-governanza parteċipattiva tal-wirt kulturali
- l-użu mill-ġdid adattiv ta’ bini ta’ wirt storiku
- il-prinċipji ta’ kwalità għal interventi fil-wirt kulturali
Din l-azzjoni tibni fuq l-inizjattiva preċedenti ta’ tagħlim bejn il-pari ffinanzjata mill-programm Ewropa Kreattiva - Kultura għall-Ibliet u r-Reġjuni - li sar mill-2015 sal-2017. Din l-inizjattiva eżaminat inizjattivi kulturali magħżula u l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp lokali u reġjonali.
L-eżiti tal-proġett kienu jinkludu
- katalgu ta’ 70 studju ta’ każijiet
- żjarat ta’ studju fi 15-il belt/reġjun
- coaching espert għal 10 ibliet/reġjuni
Orizzont 2020 għall-wirt kulturali fir-reġjuni u l-ibliet
L-Unjoni Ewropea investiet €25 miljun fl-2019 f’erba’ proġetti li għandhom l-għan li jittrasformaw iż-żoni urbani storiċi u l-pajsaġġi kulturali f’ċentri ta’ intraprenditorija, integrazzjoni soċjali u kulturali.
Dawn huma wħud mill-proġetti:
RURITAGE
Il-proġett jibdel iż-żoni rurali f’każijiet li juru li l-Wirt Kulturali u Naturali hu magna ta’ riġenerazzjoni.
Skopri aktar dwar il-proġett RURITAGE.
ROCK
Rock jiffoka fuq iċ-ċentri storiċi tal-ibliet bħala laboratorji li juru li l-wirt kulturali jista’ jkun mutur uniku u b’saħħtu għar-riġenerazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku għall-belt kollha.
Skopri aktar dwar il-proġett ROCK.
CLIC
CLIC huwa proġett transdixxiplinarju li għandu l-għan li jidentifika għodod ta’ evalwazzjoni biex jittestjaw, jimplimentaw, jivvalidaw u jaqsmu mudelli innovattivi ta’ finanzjament għall-użu mill-ġdid tal-wirt kulturali u tal-pajsaġġi.
Orizzont 2020 nieda task force dwar “il-finanzjament u l-mudelli tan-negozju għall-użu mill-ġdid tal-wirt mibni fl-ibliet”. L-għan tagħha huwa li tipprovdi għarfien espert u pariri dwar il-finanzjament u l-ġestjoni tal-użu mill-ġdid ta’ bini u spazji skont approċċ ta’ ekonomija ċirkolari. Il-proġett CLIC imexxi t-task force.
Skopri aktar dwar il-proġett CLIC.
Open Heritage
Il-proġett Open Heritage jidentifika u jittestja l-aħjar prattiki għall-użu mill-ġdid tal-patrimonju adattiv fl-Ewropa.
Skopri aktar dwar il-proġett Open Heritage.