Il-belt ta’ Szentendre tmur lura għal żmien ir-Rumani, iżda d-dehra tagħha tal-lum kienet prinċipalment influwenzata mir-refuġjati Serbi sa minn tmiem is-seklu 17. Il-karattru tal-belt issawwar mill-influwenza tal-konnessjonijiet politiċi u kulturali transfruntieri. Hi esperjenzat żvilupp urban immexxi mill-kultura fejn il-wirt kulturali kellu rwol ewlieni u ppermetta li l-belt tiffunzjona bħala pont bejn żoni kulturali Ewropej differenti mil-Lvant u l-Punent, mill-Balkani u mill-Baċir Karpazjan, mill-Kristjanità Kattolika u Ortodossa. Il-qrubija għal Budapest ħolqot sfida kostanti għall-belt.
Szentendre hi kkaratterizzata mill-ispirtu ta’ tolleranza multietnika u reliġjuża, mir-reżiljenza urbana u mill-kreattività sa minn tmiem is-seklu 17, frott tal-pożizzjoni ġeografika tagħha bejn il-fruntieri. Il-konnessjonijiet tul ix-xmara Danubju u l-koabitazzjoni prolifika tal-popolazzjoni Ungeriża u Serba tagħha u ta’ kulturi oħrajn irriżultaw f’post ta’ koeżistenza paċifika, integrazzjoni u skambju produttiv, li jsawru disinn arkitettoniku uniku. It-taħlit tal-kulturi tal-Lvant u tal-Punent f’lokalità emblematika ta’ libertà artistika matul ir-reġimi totalitarji jiddetermina l-ispirtu tal-belt u l-wirt ħaj għadu jista’ jinħass sal-lum il-ġurnata.