Is-Sit ta’ Kommemorazzjoni f’Łambinowice jikkonsisti f’diversi postijiet tul l-hekk imsejħa "Triq tal-Kommemorazzjoni": iċ-Ċimiterju l-Antik tal-Priġunieri tal-Gwerra, iż-żoni ta’ dawk li kienu Stalags VIII B (344) u 318/VIII F (344) Lamsdorf, iċ-Ċimiterju tal-Priġunieri tal-Gwerra Sovjetiċi, iż-żona ta’ dak li kien il-Kamp tax-Xogħol u ċ-Ċimiterju tiegħu u l-Mużew Ċentrali tal-Priġunieri tal-Gwerra.
Fl-1964 ġie stabbilit Mużew biex jikkommemora u jistudja l-kampijiet u l-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-priġunieri tal-gwerra, stabbilit matul il-Gwerra bejn Franza u l-Prussja fil-perjodu 1870-71 u użat matul iż-żewġ Gwerer Dinjija. Fiċ-Ċimiterju l-Antik hemm midfunin aktar minn 7,000 priġunier tal-gwerra ta’ diversi nazzjonalitajiet Ewropej. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ħafna ġellieda anti-Nazisti u ġellieda għall-ħelsien inżammu arrestati fil-kampijiet. Wara l-gwerer, il-kampijiet intużaw biex jinżammu persuni ċivili mġegħlin jemigraw.
Is-Sit ta’ Kommemorazzjoni f’Łambinowice għandu solennità transnazzjonali minħabba li l-kampijiet intużaw minn stati differenti u minħabba l-provenjenza tal-priġunieri tal-gwerra infushom. Is-sit jixhed il-perspettivi ta’ eluf ta’ Ewropej dwar avvenimenti storiċi Ewropej importanti, li jibdew mill-Gwerra bejn Franza u l-Prussja sal-migrazzjonijiet tal-massa wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Dan għandu rwol importanti għall-kommemorazzjoni, l-istudju - permezz ta’ riċerka popolari u komparattiva - u l-interpretazzjoni ta’ dawn il-partijiet anqas magħrufin tal-istorja tal-Ewropa. L-applikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jiġu eżaminati perspettivi differenti u li tiġi stabbilita rabta mal-preżent.