Skip to main content

Culture and Creativity

Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018

L-2018 kienet is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali. L-għan tagħha kien li tħeġġeġ iżjed nies jiskopru u jimpenjaw ruħhom fil-wirt kulturali tal-Ewropa, u li ssaħħaħ is-sens ta’ appartenenza għal spazju Ewropew komuni. Is-slogan għas-sena kien

“Il-wirt tagħna: fejn il-passat jiltaqa’ mal-futur”.

Stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru dwar il-wirt kulturali li tnieda lejliet is-Sena Ewropea żvela li maġġoranza kbira ta’ ċittadini Ewropej jaħsbu li l-wirt kulturali hu importanti għalihom personalment (84%), kif ukoll għall-komunità tagħhom (84%), ir-reġjun (87%), il-pajjiż (91%) u l-UE b’mod ġenerali (80%).

Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti (84%) iddikjaraw li jħossuhom kburin bil-wirt kulturali mir-reġjun jew mill-pajjiż tagħhom, u perċentwal kbir (70%) b’monument storiku, sit, xogħol tal-arti jew tradizzjoni minn pajjiż Ewropew ieħor.

70% ta’ dawk li ġew intervistati jqisu li jħossu sens ta’ appartenenza meta jgħixu qrib postijiet relatati mal-wirt kulturali Ewropew. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tar-rispondenti jaħsbu li l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew għandhom jallokaw aktar riżorsi għall-wirt kulturali.

Ċifri ewlenin tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018

  • 12,8 miljun parteċipant
  • 23,000 avveniment organizzati
  • 37 pajjiż

Il-Kummissjoni Ewropea implimentat 10 inizjattivi Ewropej fit-tul bħala kontribut ewlieni ta’ politika għas-sena, f’kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, il-UNESCO, u sħab oħra. Dawn l-inizjattivi jinkludu

  • attivitajiet mal-iskejjel
  • riċerka dwar soluzzjonijiet innovattivi għall-użu mill-ġdid ta’ bini ta’ wirt storiku
  • attivitajiet għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ beni kulturali

Barra minn hekk, l-UE ffinanzjat għadd kbir ta’ proġetti relatati mal-wirt kulturali. Il-Kummissjoni Ewropea nediet sejħa ddedikata għal proġetti ta’ kooperazzjoni relatati mas-sena taħt il-programm Ewropa Kreattiva. Barra minn hekk, għadd kbir ta’ opportunitajiet oħra kienu disponibbli taħt Erasmus+, L-Ewropa għaċ-Ċittadini, Orizzont 2020, u programmi oħra tal-UE.

Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018: suċċess komuni

Fil-livell Ewropew, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE impenjaw ruħhom biex din is-sena kienet ta’ suċċess. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew organizzaw avvenimenti biex jiċċelebraw is-sena u niedu attivitajiet li jiffukaw fuq il-wirt kulturali.

Il-koordinaturi nazzjonali kienu inkarigati mill-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea fil-livell nazzjonali, li jirrappreżentaw il-pajjiżi parteċipanti: 28 Stat Membru u 9 pajjiżi assoċjat (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, l-Iżlanda, il-Montenegro, in-Norveġja, l-Iżvizzera, il-Georgia u s-Serbja).

Il-Kummissjoni Ewropea mexxiet is-sena bl-għajnuna ta’ grupp ta’ 38 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li kienu parti mill-kumitat tal-partijiet ikkonċernati. Il-proċess tal-għażla tal-kumitat tal-partijiet ikkonċernati kien proċess miftuħ u trasparenti. Ħadu sehem ukoll il-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa, wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni.

Il-legat tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018

Il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati tal-wirt kulturali qed ikomplu jimplimentaw viżjoni aktar fit-tul biex jimmaniġġjaw, jissalvagwardjaw u jsaħħu l-wirt kulturali tal-Ewropa. Dan hu bbażat fuq ir-riżultati tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali u l-Qafas Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Wirt Kulturali. Għal dan, il-Kummissjoni tiddependi b’mod partikolari fuq il-ħidma tal-Grupp ta’ Esperti.

Skopri aktar dwar is-sena