“Zdravljica” hi poeżija li nkitbet fl-1844 mill-poeta Sloven France Prešeren. Ġiet ippubblikata biss fl-1848, wara l-abolizzjoni taċ-ċensura fl-Imperu ta’ Habsburg bħala parti mir-Rebbiegħa tan-Nazzjonijiet. Miktuba bis-Sloven, hi influwenzat l-iżvilupp tal-identità Slovena u, b’mod aktar ġenerali, il-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni. L-importanza kontinwa ta’ Zdravlijca ntweriet fl-1944 meta l-partiġjani li rreżistew in-Nazi u l-faxxiżmu reġgħu stampaw iż-“Zdravljica”, u meta tkantat f’diversi okkażjonijiet fis-snin 80 u fil-bidu tas-snin 90 matul il-perjodu ta’ demokratizzazzjoni li wassal għall-indipendenza tas-Slovenja.
Fl-1991, is-7 vers tal-poeżija ntgħażel bħala l-innu nazzjonali tar-Repubblika Slovena l-ġdida. F’dan il-vers, il-poeżija tesprimi l-ideal ta’ koeżistenza paċifika tan-nazzjonijiet kollha. Kwotazzjoni mill-poeżija hi stampata fuq il-munita nazzjonali ta’ €2 u hi mnaqqxa wkoll fuq monument ta’ tifkira mwaqqaf fl-2008 quddiem il-bini Justus Lipsius tal-Kunsill tal-UE fi Brussell, matul il-Presidenza Slovena tal-UE.
“Zdravljica” hi rappreżentattiva tal-1848 - ir-Rebbiegħa tan-Nazzjonijiet jew is-Sena tar-Rivoluzzjoni, moviment importanti fl-istorja Ewropea. Ir-rwol tal-letteratura, miktuba bil-lingwi nazzjonali jew minoritarji, fit-tqanqil ta’ sentimenti nazzjonalisti, u t-tiswir tat-talbiet għat-tneħħija taċ-ċensura u d-dritt tal-libertà tal-espressjoni, kien rifless madwar l-Ewropa kollha. Filwaqt li l-kisbiet letterarji tal-awtur tal-poeżija, France Prešeren, huma ta’ importanza ċentrali għall-ħolqien ta’ nazzjon Sloven permezz tal-lingwa u l-letteratura, il-poeżija ppromwoviet fl-istess ħin il-messaġġ ta’ koeżistenza paċifika tan-nazzjonijiet.
Il-mod pożittiv kif intlaqgħet il-poeżija u t-trażmissjoni tagħha madwar l-Ewropa permezz ta’ traduzzjonijiet bil-Ġermaniż u bil-lingwi Skandinavi sa mis-snin 60 jew 80 tas-seklu 19, u bl-Ingliż u b’lingwi oħrajn sa minn nofs is-seklu 20, għamlu l-poeżija magħrufa ħafna. Barra minn hekk, hi tippromwovi spirtu inklużiv internazzjonali li rari jinstab f’innu nazzjonali.